IL-MINISTRU GĦAR-RIŻORSI U L-INFRASTRUTTURA QAL LI DAN KOLLU JIRREKJEDI REVIŻJONI
Il-Kunsill Konsultattiv fuq l-Industrija tal-Bini (BICC) fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, organizza seminar fejn ippreżenta dokument għad-diskussjoni pubblika bl-isem ta’ “Tħaffir ta’ Siti għall-Iżvilupp”. Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit elenka diversi punti ta’ interess ġenerali meta indirizza lil bosta periti u kuntratturi li attendew għal dan is-seminar.
Fost il-punti li jittratta dan id-dokument, insibu li bini ta’ ħitan appoġġ dobblu, kull sit bil-qoxra tiegħu, pero’ diviżorju singlu, jibqa’ permissibbli kemm-il darba l-ġirien jaqblu.
Il-ħxuna ta’ l-appoġġ, singlu jew dobblu, ovvjament tiddependi fuq it-tip ta’ strutturi proposti għall-iżvilupp. Għaldaqstant, l-istess appoġġ (singlu/dobblu) irid jaħseb għall-istruttura li għad trid tiġi żviluppata fuq in-naħa l-oħra ta’ l-appoġġ, u hawn jidħol il-fattur tal-ġeoloġija tas-site (blat, tafal, turbazz) cioe’ x’ammont u x’tip ta’ reinforcement ikun meħtieg taħt il-pedament.
Jinkludi wkoll miżuri biex jiġu eliminati ‘at source’ problemi relatati ma’ ‘damp-proofing’ fejn jidħlu livelli differenti ta’ radam jew ‘back-filling’. Jissemmew ukoll provedimenti ta’ ‘detailing’ adekwat biex jiġi eliminat kull infiltrazzjoni (intrusion) ta’ ilma fil-vojt tad-dobblu jekk ikun il-każ.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan kollu jirrekjedi reviżjonitar-regolamenti/leġislazzjoni eżistenti fejn jirrigwardja bini ta’ ħitan appoġġi. Din ir-reviżjoni għandha tassigura provediment ta’ konsultazzjoni konkreti bejn il-ġirien qabel ma jinbena l-ħajt ta’ l-appoġġ li jiddividi z-żewġ siti.
Illum iktar minn qatt qabel, isir tħaffir ta’ siti minħabba diversi raġunijiet. Dawn jinkludu provista ta’ spazju għall-istorage u parkeġġ, valur dejjem jogħla ta’ l-art u proċess faċilitat minn użu ta’ inġenji ta’ tħaffir li jiffaċilitaw l-istess operazzjoni. Dan wassal sabiex nibtu diversi problemi, b’mod partikolari dawk relatati ma’ sigurta’ fuq bini u ħajja ta’ terzi (jiġifieri bini okkupat li jkunu ma’ l-appoġġ) kif ukoll sigurta’ tal-ħaddiema nfushom.
Il-policy document jaħseb għal dan billi jipproponi l-introduzzjoni ta’ technical method statement ta’ kif ser issir l-iskavazzjoni b’riferenza għall-miżuri ta’ health and safety kif ukoll b’indikazzjoni għaż-żmien tat-tqattigħ.
Jipproponi wkoll introduzzjoni ta’ insurance policy obbligatorja minn naħa tad-developer li tkun ‘capped’ sa minimu ta’ Lm250,000 a favur ta’ terzi. Sa llum ma teżisti l-ebda liġi li tassigura d-diffikultajiet tal-ġirien u għaldaqstant l-introduzzjoni ta’ din il-polza ta’ ‘insurance’ saret necessita’. Il-Ministru Zammit tenna li ovvjament, dan kollu ser jinvolvi sistema ta’ notifikazzjoni trasparenti mingħajr loopholes fir-rigward ta’ kif method statement jiġi approvat mill-awtoritajiet. L-istess method statement għandu jkun maqbul b’mod dokumentat mas-sidien/ġirien tal-proprjeta’ li tkun biswit jew appoġġ mas-sit fejn ikun ser isir l-excavation u sussegwentement l-iżvilupp. M’għandu jkun hemm l-ebda skop li jħalli l-ġarr (neighbour) fl-għama. Għall-kuntrarju, dan id-dokument għandu jwassal għall-proċess ta’ ftehim bonarju bejn il-partijiet bl-iskop aħħari li l-operazzjoni tat-tħaffir issir b’mod li tassigura l-ħajja u l-beni tal-partijiet konċernati.
Il-Ministru Zammit spjega lil dawk preżenti li issa dan id-dokument jgħaddi għal fażi ta’ konsultazzjoni pubblika, imbagħad għall-mekkaniżmu leġislattiv u finalment għall-implimentazzjoni fil-prattika ta’ l-istess proposti. Dan ma jfissirx li b’dan il-proċess ser inkunu solvejna diversi problemi marbuta mal-industrija tal-bini. Din hi l-ewwel ħolqa f’sensiela ta’ holoq problematiċi li żviluppaw matul is-snin fl-industrija tal-bini f’pajjiżna, liema industrija saret dejjem aktar intensiva minħabba diversi fatturi, kif ukoll industrija li saret tiddependi ħafna fuq użu ta’ makkinarju/inġenji li ovvjament jagħmlu l-istess industrija aktar ekonomika u aktar effiċjenti.
Il-BICC, fuq deċiżjoni tal-Ministru Zammit, diġa’ beda l-istess eżerċizzju fuq il-problema tat-twaqqigħ ta’ bini eżistenti. Dan ukoll jinvolvi t-twaqqif ta’ proċess jew qafas li finalment ikun immirat kemm għas-salvagwardja tal-bini tal-ġirien, kif ukoll, għas-sigurta’ tas-saħħa u l-ħajja tal-partijiet konċernati, kemm tal-ġirien, kif ukoll tal-ħaddiema.
Il-Ministru Ninu Zammit għalaq billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom fit-tfassil ta’ dan id-dokument, fosthom lit-tim tekniku tal-BICC, lill-esperti kemm mill-Malta Standards Authority kif ukoll mill-Malta Insurance Association. Dan id-dokument ser iwassal għall-operat aktar prattiku u aktar safe fl-industrija tal-bini.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946