DISKORS MILL-ONOR. LOUIS DEGUARA, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA` FIL-LAQGĦA ANNWALI TAL-KUNSILL NAZZJONALI TA’ L-ANZJANI – VALLETTA
Għeżież ħbieb u sinjuri,
Nixtieq l-ewwel nawguralkom l-għodwa t-tajba kif ukoll nesprimilkom is-sodisfazzjon tiegħi li nkun hawnhekk fostkom biex għall-ewwel darba nindirizza din l-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Anzjani. Għalija din l-għaqda fiha nfisha tixhed l-importanza li leħen l-anzjani għandu fis-soċjetà tal-lum. Dan il-Kunsill ukoll iservi ta’ xprun għall-ħidma mill-anzjani stess favur il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Bil-Malti għandna qawl li jgħid għin ruħek biex Alla jgħinek. F’dan ir-rigward, nixtieq nifraħ lill-membri kollha tal-Kunsill li tul is-snin ħabirku bis-sħiħ sabiex isemmgħu dan il-leħen u b’hekk jiżguraw li d-drittijiet ta’ l-anzjani jkunu mħarsa.
Għandna nħossuna kburin bħala poplu li pajjiżna kien fost ta’ l-ewwel li għaraf is-sehem importanti li kull persuna, irrespettivament mill-età tagħha, tista` u għandha tagħti lis-socjetà. Kien minn ta’ l-ewwel ukoll li għaraf li minkejja li l-bniedem jilħaq ċerta età xorta waħda jista jibqa’ jiżviluppa l-potenzjal kollu tiegħu. Qatt ma huwa tard wisq li tibqa` titgħallem minn esperjenzi ġodda. Anzi d-dinja tal-lum spiss tippreżentalna skoperti ġodda li huma ta’ sfida anke għall-anzjani.
Il-politika tal-gvern preżenti dwar l-anzjani għandha s-sisien mibnija fuq żewġ prinċipji bażiċi:
· l-ewwel prinċipju hu dak tar-rispett il-ħin kollu għad-dinjità ta’ l-anzjan bħala bniedem. Dan ir-rispett huwa assolut u m’għandu qatt jiddependi mill-kundizzjoni medika, tajba jew ħażina, li l-anzjan jinsab fiha.
· It-tieni prinċipju jisħaq fuq il-kwalitajiet pożittivi tal-persuna anzjana, ewlenija fosthom dik ta’ l-esperjenza tal-ħajja jew tax-xogħol, u jistabilixxi li l-anzjani mhumiex piż fuq is-soċjetà iżda riżorsa importanti għat-tkattir tal-ġid għal pajjiżna.
Għal Gvern tiegħi dawn huma żewġ prinċipji bażiċi u fundamentali. Iż- żewġ prinċipji jiksbu relevanza u importanza ferm ogħla fid-dawl tal-fatt li n-numru ta’ anzjani huwa mistenni li jikber fis-snin li ġejjin. Skond tbassir tal-Eurostat għal Malta, fl-2050, 21% tas-soċjetà Maltija ser tkun komposta min-nies li jkollhom ’l fuq minn 65 sena, jiġifieri żieda ta’ 8% fuq sentejn ilu. Illum diġà bdejna nitkellmu fuq anzjani żgħar u anzjani ta` età akbar għax sirna konxji li l-bżonnijiet tat-tnejn huma differenti.
Dan kollu huwa frott il-livell għoli ta’ l-għejxien tal-poplu Malti kif wkoll standard għoli tas-sistema nazzjonali tas-servizzi tas-saħħa. Saħansitra l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, fl-aħħar rapport internazzjonali tas-sena 2002, faħħret il-kwalità għolja tas-servizzi tagħna speċjalment fejn jidħlu l-aċċessibiltà u l-ekwità għas-servizzi offruti.
Bla ma rridu, dan il-fenomenu demografiku, iffaċċjat ukoll minn sħabna il-pajjiżi Ewropej kollha, ser iżid il-pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa u dak tal-pensjonijiet f’pajjiżna. Għalhekk hemm bżonn urġenti li, mil-lum stess nieħdu dawk il-miżuri neċessarji biex, il-kwalità tas-servizz tas-saħħa għoli li għandna, inżommuh. Dan jgħodd ukoll għall-pensjonijiet minn hawn u għoxrin sena oħra. Jagħmel sens għalhekk li b’maturità kulħadd jifhem u jaċċetta dan il-bżonn u jiddiskutih b’moħħ miftuħ u responsabbli. Waqt li qatt ma jagħmel sens li timponi bidliet, lanqas ma jagħmel sens li topponi fejn jidher ċar li jeżisti l-bzonn reali ta’ bidla.
Mill-banda l-oħra, huwa minnu wkoll li t-titjib kbir li seħħ fil-livell ġenerali ta’ saħħa u l-għejxien tal-poplu Malti jfisser li l-anzjani t’għada ser igawdu l-anzjanità itwal tagħhom f’kundizjoni fiżika u mentali aħjar. Dan ifisser li aktar anzjani ser jkomplu jgħixu għal aktar żmien fil-komunità. Ifisser ukoll li l-anzjani ser ikunu f’pożizzjoni ferm aħjar biex ikomplu jwasslu l-esperjenzi tagħhom miksuba fl-oqsma kollha għall-ġid tas-socjetà.
L-għan prinċipali tal-politika tal-gvern preżenti ta’ l-anzjani hija li l-anzjani jiġu mgħejuna kemm jista’ jkun biex jibqgħu jgħixu fl-ambjent ta’ darhom u fil-komunità li huma mdorrijin fiha. Biex jintlaħaq dan l-iskop, mill-1988, il-gvern nieda għadd ta’ servizzi għall-anzjani fil-komunità, fosthom it-twaqqif ta’ sptar għar-riabilitazzjoni u servizzi oħra li qegħdin jipprovdu ħafna mis-sostenn neċessarju. Fost dawn is-servizzi hemm dak tat-Telecare li llum il-ġurnata qegħdin igawdu minnu ’l fuq minn 8,000 anzjan kif ukoll dak tal-Home Help u tal-Meals on Wheels. Il-gvern qiegħed jaħseb ukoll biex is-servizz ta’ riabilitazzjoni bħal dak li jingħata f’ Zammit Clapp jiżdied biex ikun jista` jilqa’ għall-bżonnijiet tal-ġejjieni.
Tajjeb li wieħed isemmi kif l-anzjani li jgħixu fil-komunità għandhom ukoll il-possibiltà li jgawdu minn servizz ta’ Physiotherapy, Speech Therapy kif ukoll ta’ Occupational Therapy li jiġi pprovdut lilhom mir-residenza San Vincenz de Paul. Dan hu kumplimentat mis-servizz mogħti mit-tobba taċ-Ċentri tas-Saħħa li jżuru lill-anzjani f’darhom. Servizz ieħor utli mħallas mill-gvern huwa dak provdut minn infermiera ta’ l-MMDNA. Bħalissa l-gvern qiegħed jevalwa dan is-servizz għax il-bżonnijiet tal-lum huma ferm differenti minn dawk li għalihom kien tnieda dan is-servizz. Il-ħsieb hu li naraw kif nistgħu ntejbu biex jitwassal servizz aħjar. Dan jgħodd aktar meta wieħed iqis li l-ispiża vvutata ghal MMDNA għal din is-sena żdiedet b’Lm125,000 minn Lm375,000 għal Lm500,000.
Sfortunatament għal ħafna l-kelma anzjan għada tfisser persuna li ma baqgħaliex x’toffri lis-soċjetà tagħna. Biex inbiddlu din il-mentalità żbaljata l-gvern qiegħed jippromovi il-kunċett tal-Active Ageing. Active Ageing huwa il-proċess fejn wieħed jisfrutta l-vantaġġi - kemm fiżiċi u soċjali sabiex tingħata kwalità ta’ ħajja aħjar liż-żmien. Active Ageing ma tfissirx biss kapaċità li wieħed jibqa’ attiv fiżikament, iżda tfisser wkoll kontinwazzjoni ta’ involviment tal-persuna fl-attivitajiet soċjali, ekonomiċi, spiritwali u kulturali. L-università tat-tielet età hija eżempju prattiku u ċar ta’ dan il-kunċett. Nemmen li anki l-anzjani li jbatu minn xi diżabilità fiżika jew li huma morda xorta waħda jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom lill-familja, ħbieb u lill-komunitajiet li jgħixu fihom.
Però minkejja l-isforzi kollha li jsiru min-naħa tal-gvern, ta’ l-għaqdiet volontarji kif ukoll tal-familjari ta’ l-anzjani biex kemm jista’ jkun dawn jibqgħu jgħixu fil-komunità, dan mhux dejjem ikun possibbli għal numru ta’ raġunijiet differenti. Hawn jidħol il-bżonn tad-djar ta’ l-anzjani kif ukoll tar-residenza San Vinċenz, li joffru servizz ta’ kura f’ambjent residenzjali lil dawk l-anzjani li ma jkunux jistgħu jkomplu jgħixu b’mod indipendenti f’darhom minkejja s-sostenn tal-familjari u tas-servizzi fil-komunità. Il-gvern preżenti huwa mpenjat bis-sħiħ biex il-livell ta’ servizzi f’dawn id-djar ikompli jgħola u għal dan il-għan għaddej programm kontinwu ta’ modernizzar u bini mill-ġdid ta’ diversi swali f’ San Vinċenz kif ukoll djar għall-anzjani. Il-Gvern qiegħed jaħdem fuq il-kunċett ta’ kollaborazzjoni mal-privat biex isaħħaħ is-servizzi ta’ l-anzjani. Id-dar għall-anzjani fil-Mellieħa ser tkun l-ewwel eżempju kif din il-kollaborazzjoni tista` titwettaq fil-prattika.
Sinjuri,
Fl-aħħarnett, nixtieq intenni l-bżonn li l-gvern ikompli jaħdem id f’id mal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Anzjani. Dan għandu jkun u jibqa’ l-vuci ko-ordinata ta’ l-anzjan peress li jiġbor fih numru sostanzjali ta’ għaqdiet tal-anzjani fil-pajjiż. Huwa f’dan il-forum illi d-diversi opinjonijiet u pożizzjonijiet għandhom jiġu diskussi biex, sa fejn ikun possibbli, l-anzjan jitkellem u jinstema’ b’vuċi waħda.
B’dan il-ħsieb f`moħħi, ippermettuli nirringrazzja l-Kunsill li l-mandat tiegħu jispiċċa llum għax-xoghol siewi li wettaq kif ukoll xtaqt nifraħ lill-Kunsill il-ġdid. Konvint illi kollha kemm intom ħerqana illi tkomplu taħdmu għal ġid ta’ l-anzjani Maltin u Għawdxin kollha sabiex ikompli jikber l-għarfien tas-soċjetà favur r-rwol ta’ l-anzjani ta’ pajjiżna. Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946