Left arrow Mur Lura

TWEĠIBA GĦAL STQARRIJA ASSURDA U IVVINTATA TA' L-ONOR LEO BRINCAT DWAR L-AMBAXXATA TA' MALTA F’BEIJING

PR0460
Date Icon 28/03/2005

Huwa assurd u hija ħrafa li l-Onor Leo Brincat jgħid li l-Ministeru ta' l-Affarjiet Barranin qabbad lill-Ambaxxatur Malti f'Beijing jagħmel investigazzjoni fuqu nnifsu għar-rigward ta’ l-allegazzjonijiet li għamel l-istess Leo Brincat f'Diċembru li għadda. Huwa assurd wkoll li s-Sur Brincat issa qiegħed jitlob li ssir inkjesta indipendenti.  

Il-Ministeru ta' l-Affarjiet Barranin ilu li fetaħ investigazzjoni indipendenti mill-Pulizija mid-9 ta' Diċembru 2004 malli saret l-allegazzjoni mill-Onor Brincat, li kien hemm aġent f'Beijing ta' studenti ta’ l-Ingliż, li kien qed jingħata visas aktar minn ħaddiehor. Tant li l-Pulizija anki talbet lill-istess Onor Brincat jgħaddi l-informazzjoni li seta' kellu, apparti l-visiting card ta' persuna Ċiniża li s-Sur Brincat kien għadda lill-Ministru fil-Parlament.  

Din l-investigazzjoni mitluba f'Diċembru 2004 mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, qed issir fuq livell usa mill-allegazzjoni li għamel l-Onor Brincat, u għalhekk hija diretta lejn jekk hemmx xi irregolarita' ta' kwalunkwe natura fil-ħruġ tal-visas għal ċittadini Ċiniżi biex jidħlu Malta.  

Ir-riżultat ta' l-investigazzjoni tal-Pulizija huwa li, sa issa, ma jirriżultax foul play jew irregolarita' fil-ħruġ tal-visas, kif il-Ministeru diġa' qal fl-istqarrija li nħareġet nhar is-Sibt li għadda.  

It-talba li issa l-Onor Brincat qed jagħmel għal investigazzjoni indipendenti, hija aktar minn tlett xhur wara li l-Ministeru kien diġa' beda investigazzjoni indipendenti mill-Pulizija, mhux biss fuq l-allegazzjoni li huwa għamel, imma wkoll fuq l-operat kollu fil-ħruġ ta' visas għal ċittadini Ċiniżi.  

L-assurdita' ta' l-istqarrija tal-Onor Brincat tkompli bl-istatement ħrafa li l-Ambaxxatur Malti f'Beijing intalab li jinvestiga lilu nnifsu. L-unika ħaġa li l-Ambaxxatur Malti f'Beijing intalab jagħmel, kif intqal fl-istess stqarrija tal-Ministeru tal-Affarjiet Barranin ta’ nhar is-Sibt il-għadda, kienet li jagħti rapport dettaljat dwar l-proċeduri segwiti fil-ħruġ tal-visas fl-Ambaxxata f'Beijing. Dan intalab indipendentement mill-investigazzjoni tal-Pulizija. L-investigazzjoni tal-Pulizija, bl-aktar mod sempliċi u ovvju għal min irid jifhem, ma kienetx ibbażata fuq dan ir-rapport. Dan kien rapport li ntalab "over and above" mingħand l-Ambaxxatur u lanqas biss ma kien hemm bżonn li jintbagħat lill-Pulizija li kienu qed jinvestigaw indipendentement. Intbagħat lill-pulizja biss għall-kompletezza u fl-ebda ħin ma serva bħala l-bażi ta’ l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, kif bl-iktar mod assurd qed jiddeċiedi l-Onor Brincat. Li tgħid li l-investigazzjoni tal-Pulizija kienet ibbażata fuq dan ir-rapport hija invenzjoni qarrieqa u bla sens.  

Tant il-Ministeru ta' l-Affarjiet Barranin irid ikun komplet fl-investigazzjonijiet tiegħu, li llum stess talab lill-Pulizija li, fl-investigazzjoni li għaddejja, tinvestiga wkoll l-allegazzjonijiet ġodda li saru f'gazzetta tal-bieraħ il-Ħadd dwar din il-materja.  

Sadanittant il-Ministeru qed isegwi kull żvilupp f'din il-materja u qiegħed f'kuntatt ma’l-Ambaxxati ta' l-Italja u taċ-Ċina f'Malta.  

Altru milli l-Ministru ħasel idejh mir-responsabbilta' diretta tiegħu, kif b'mod irresponsabbli qed jallega l-Onor Brincat.  Hija ħasra li s-Sur Brincat għażel li jagħmel kapital politiku minn traġedja umana.  

Il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin anzi, b'mod mill-aktar responsabbli u serju, ħa u ser ikompli jieħu, jekk ikun il-każ, kull azzjoni f'din il-materja, konsistentement ibbażata fuq il-konkret u mhux fuq għidut.      

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow