IMPENN FAVUR IL-MUŻIKA F’PAJJIŻNA
Din is-sena qed tittella’ is-16-il edizzjoni tal-Live Music Marathon organizzata mill-istabiliment BJ’s b’risq il-Wishing Others Well (WOW) li hi d-driegħ soċjali tal-Millennium Chapel f’Paceville, li titmexxa minn Fr. Hilary Tagliaferro.
Din il-maratona llum daħlet fil-kalendarju tal-festi marbuta ma’ l-Għid il-Kbir. Tul il-maratona tittella’ mużika minn mużiċisti stabbiliti, minn dawk li jkunu għadhom qed jibdew kif ukoll minn personalitajiet u gruppi li flimkien jorganizzaw baned informali u jdoqqu. Aspett ieħor ta’ din il-maratona hu l-ġbir ta’ flus għal skop filantropiku. Il-flus jinġabru ħdejn il-bieb permezz ta’ sponsorships, donazzjonijiet permezz tat-telefon u offerta mill-istabiliment BJ’s. Dawn qed imorru għal Wishing Others Well.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura l-maratona. Hu qal li kien ta’ pjaċir għalih jinawgura attivita’ bħal din għaliex kellha skop doppju: dak li tkabbar il-kultura permezz tal-mużika u li tgħin lill-għaqda filantropika Wishing Others Well li twettaq ħidma mill-aktar importanti f’Paceville, f’ċentru ta’ divertiment. Hu rringrazzja lil Father Hilary Tagliaferro għall-ħidma tiegħu favur din l-għaqda.
“Il-volontarjat ħaqqu kull inkorraġġiment u għalhekk meta nissejjħu biex bil-preżenza tagħna nagħtu appoġġ lill-inizjattivi bħal din li qed tiġi organizzata mill-istabiliment BJ’s ma nistgħux ma nkunux preżenti biex nagħtu l-appoġġ tagħna. Il-Millennium Chapel f’Paceville hi bħal stilla sabiħa li tagħti d-dawl tagħha f’nofs sema kaħlani,” stqarr il-Ministru Zammit Dimech li rringrazzja u feraħ lill-organizzaturi li għas-sittax-il sena konsekuttiva qed jorganizzaw din il-maratona.
Francis Zammit Dimech qal li l-preżenza ta’ mużiċisti stabbiliti flimkien ma’ mużiċisti li għandhom jibdew turi l-impenn tal-‘management’ tal-istabiliment BJ’s favur il-mużika f’pajjiżna.
Hu qal li fi żmien meta pajjiżna għaddej minn rinaxximent kulturali attivita’ mużikali bħal din tgħin biex tikber l-imħabba lejn il-mużika u biex il-Maltin isiru aktar konxji ta’ dak li joffru Maltin oħra bħalhom f’dan il-qasam. Hu qal li ried ukoll jifraħ lil Chiara li minbarra li kienet ser tirrappreżentana fil-Eurovision Song Festival kienet aċċettat li tkanta l-ewwel kanzunetta f’din il-maratona.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946