SUQ ĠDID GĦALL-ESPORTAZZJONI TAL-PATATA LOKALI
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Biedja u s-Sajd, Dr Francis Agius, il-lum indirizza iktar minn 500 bidwi li jkabbru l-patata għall-esportazzjoni. Dawn attendew għall-aħħar laqgħa organizzata għalihom dwar il-Eurepgap (Ċertifikat ta’ Biedja Għaqlija) li permezz tiegħu togħla l-kwalità tal-prodott fi swieq barranin.
Dr Agius ħabbar li l-esportazzjoni tal-patata lejn l-Olanda għal din is-sena ser tiftaħ nhar it-Tnejn, 28 ta’ Marzu 2005. Dan l-appuntament annwali qed jieħu iktar importanza issa li m’għandniex kwota kif kien hemm fl-imgħoddi, peress li Malta hi membru ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-indikazzjonijiet juru li l-produzzjoni tal-patata għal din is-sena ser tkun inqas mis-sena l-oħra. Dan huwa dovut għat-temp kiefer li ħakem il-gżejjer tagħna, u li kellu effett ħażin speċjalment fuq il-patata bikrija. Il-produzzjoni tal-patata mwaħħra, dik li tinqala’ għal Mejju, għad għandha ċans titjieb.
La darba issa aħna membri ta’ l-Unjoni Ewropea nistgħu nfittxu swieq ġodda. Din is-sena Malta ser tibda tesporta ukoll il-patata lejn il-Ġermanja, kif ukoll lejn is-suq Svizzeru. Dawn huma niċeċ ta’ swieq ġodda li ser ikomplu jkabbru id-dħul tal-bidwi Malti. Din hija opportunità ġdida għall-bdiewa tagħna li għandna nisfruttaw bl-aħjar mod possibbli, sabiex inkomplu nagħmlu riklam tajjeb għall-biedja tagħna, għalhekk, għall-ġejjieni nkunu nistgħu inżidu s-swieq biex inkabbru l-esportazzjoni tagħna f’dan is-settur. Il-Gvern huwa impenjat bis-sħiħ biex ikompli jagħti lill-bdiewa s-sostenn tiegħu, għax ma’ dan jistgħu jinbtu opportunitajiet għal prodotti oħrajn.
Dr Agius qal li jaf li l-biċċa l-kbira tal-bdiewa qed jifmhu kemm hu importanti li jkomplu għaddejjin bir-ristrutturar meħtieġ ħalli jkomplu jkunu kompetittivi. B’hekk inkunu nistgħu insibu swieq ġodda għall-prodotti tagħna. Dr Agius semma’ ukoll li l-Gvern bħalissa għaddej b’kampanja “Agħżel Frisk – Agħżel Lokali”, biex il-poplu jifhem kemm huwa importanti li jinxtara prodott frisk, mhux biss għax huwa lokali, imma ukoll għax huwa nutrittiv.
Dr Agius qal li kemm ilu Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Agrikultura, huwa żar diversi setturi biex jisma’ l-ilmenti, kif ukoll biex jara l-investiment li qed isir fl-oqsma agrikoli.
Dr Agius aċċenna wkoll li huwa importanti li l-bdiewa u r-raħħala japplikaw għall-fondi kollha li ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Hemm diversi minn dawn l-iskemi miftuħin bħalissa. Oħrajn ser jiftħu fil-ġimgħat li ġejjin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946