XOGĦOL AVVANZAT TA’ BINI TA’ PROMENADE FIX-XGĦAJRA
Għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħol ta’ bini ta’ promenade fix-Xgħajra, limiti ta’ Ħaż-Żabbar. Minkejja l-maltemp ta’ l-aħħar xhur, sar ħafna xogħol fuq dan il-proġett fejn qed jinbena promenade ta’ nofs kilometru mal-kosta tal-baħar. Din il-ħidma qeda’ titwettaq kollha kemm hi mill-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Dan qalu il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit meta żar dawn ix-xogħlijiet flimkien mal-ġurnalisti.
Għadha għaddejja l-ħidma ta’ skavar u tneħħija ta’ ’l fuq minn 10,000 metru kubu ta’ materjal li kien inqata’ mir-Red China Dock madwar tletin sena ilu. Dan għandu jservi biex titjieb il-veduta tal-baħar mit-triq u jitneħħa l-periklu eżistenti. Din il-parti se tingħata dehra isbaħ permezz tat-tħawwil ta’ pjanti u siġar wara li jitneħħa l-materjal msemmi.
Hawn inħoloq pedament għal parkeġġ ġdid, liema parkeġġ se jkun asfaltat iktar ’l quddiem. Diġa’ tpoġġew mal-mitt metru blokki kbar tal-franka bħala lqugħ mill-baħar qawwi u pedament għal bankina ġdida li qed tinbena. Il-bankini eżistenti tan-naħa ta’ ġewwa qed jinqalgħu u minflokhom jinbnew bankini ġodda b’disinn dekorattiv li jammontaw għal 1,500 metru kwadru ta’ pavimentar.
Il-Ministru Zammit spjega li fl-aħħar ġimgħat inbeda xogħol biex jinbena ħajt ta’ lqugħ għal parti tat-triq li qiegħda qrib ħafna tal-baħar. Hawn huwa ppjanat li jinbena ‘culvert’ għal ammont kbir ta’ ilma tax-xita li jinżel u jinġemgħa fl-inħawi. Dan ix-xogħol għandu jiġi segwit mill-bini ta’ bankina ġdida fuq dan il-ħajt. Fuq in-naħa ta’ ġewwa tat-triq, se tinbena switchroom ġdida flok dik eżistenti għal pompa tad-drenaġġ.
Dan ix-xogħol għandu jkun kumplimentat bi ‘street furniture’ fosthom bankijiet, street lightning u dustbins li qed jinħadmu mid-Dipartiment għas-Servizzi u Manifattura fi ħdan l-istess Ministeru. ‘Boulders’ naturali li nstabu fl-irdim se jintużaw sabiex flimkien ma’ xtieli u pjanti li se jitħawwlu iktar ’l quddiem jinħoloq ‘rock garden’ matul il-medda tal-promenade. Dan il-proġett għandu jintemm sa Ġunju.
Il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura faħħar ix-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema li flimkien ma’ oħrajn qed jaħdmu bi sħiħ biex in-nofs in-nhar ta’ Malta jkompli jingħata dehra isbaħ. Huwa semma li wasal biex jintemm xogħol ta’ bini ta’ ġnien fl-Imqabba u nbeda xogħol ta’ tisbiħ fi Triq Santa Marija limiti ta’ Bubaqra fiż-Żurrieq. Hawn qed titwaqqa’ dar li kienet ta’ ostaklu għat-traffiku u jsir it-tisbiħ meħtieġ.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946