IL-COLLACCHIO JINGĦATA LURA D-DEHRA ORIĠINALI TIEGĦU
Meta l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann waslu Malta fl-1530 bdew ħidma biex fil-Birgu jkollhom ir-residenza u l-amministrazzjoni tagħhom. Skond l-istatut ta’ l-Ordni l-inħawi tar-residenza tal-Kavallieri u l-amministrazzjoni kellhom ikunu f’inħawi ristretti għalihom biss u aċċessibbli għalihom biss. Dawn l-inħawi kienu magħrufa bħala Il-Collacchio. Minkejja li dawn l-inħawi kienu disinjati fuq l-istess bażi ta’ dak li l-Ordni kellha f’Rodi, fil-Birgu ma tellgħux ħajt biex jisseparaw il-Collacchio mill-inħawi komuni.
Fil-Collachio, il-Kavallieri kellhom il-bereġ li fihom kienu jgħixu – tmienja b’kollox – ta’ Aragona , Auvergne , Kastilja , Provence , Ingilterra, Franza, Ġermanja u Italja. Dawn kienu l-ewwel binjiet fil-Collachio. Barra l-bereġ fil-Collachio hemm is-Sacra Infermeria, il-Palazz ta’ l-Inkwiżitur, l-Universita’ l-Qadima, il-Palazz ta’ l-Isqof, l-Armerija, id-Dar Normanna, id-dar tal-Bojja u ‘Il-Forn’ – restorant, bar u gallerija ta’ l-arti li hemm fil-Forn il-Qadim kif ukoll bar ta’ l-inbid.
L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, permezz ta’ l-iskema ta’ appoġġ lill-Kunsilli Lokali tat lill-Kunsill Birgu madwar Lm19,000 biex ineħħu ‘wires’ minn mal-ħitan fl-inħawi u biex tiġi stallata sistema ta’ lanterni kif ukoll għal bankijiet ta’ l-injam u l-ħadid fix-xatt. Il-lanterni, 30 b’kollox, għandhom disinn li jaqbel ma’ l-inħawi u flimkien mat-tneħħija tal-‘wires’ għenu biex ġie riabilitat il-post. Dawn il-lanterni tqiegħdu tul it-toroq li jserrpu mal-Collacchio.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura dan il-proġett. Hu qal li fil-Birgu kienu twettqu diversi proġetti mill-Gvern ċentrali li kieni jinkludu restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku. Hu qal li proġett ewlieni kien dak tax-xatt tal-Birgu fejn palazzi ġew restawrati, inbnew appartamenti moderni u nbniet yacht marina moderna għall-irmiġġ ta’ yachts, uħud minnhom super yachts.
Francis Zammit Dimech qal li bil-ħidma tagħna rridu li l-Birgu jerġa’ jingħata l-importanza li jistħoqqlu bħala ċentru storiku, kulturali u ta’ abitazzjoni. “Il-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ biex il-Kottonera tkun riġenerata. Qiegħed ukoll igħin biex jitħajjar investiment privat fl-inħawi. S’issa kien attirat lejn dawn l-inħawi investiment qawwi minn żewġ konsorzji. Investiment ieħor qawwi mistenni fil-proġett tal-Baċir Numru 1,” tenna l-Ministru Francis Zammit Dimech li żied igħid li fit-tliet ibliet ridna nikkonservaw l-istorja filwaqt li nieħdu dawk il-miżuri kollha biex ir-residenti jkunu jistgħu jgħixu fil-kumdita’ bis-servizzi kollha meħtieġa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ried jirringrazzja lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li dejjem uriet bil-fatti li temmen fl-iżvilupp ta’ dawn l-inħawi u kkontribwiet finanzjarjament għal dan l-iżvilupp.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946