Left arrow Mur Lura

ĦOLQIEN TA’ ĊENTRI FIL-KOMUNITA’ GĦAT-TEKNOLOĠIJA U T-TAGĦLIM

PR0439
Date Icon 23/03/2005

Il-ħolqien taċ-ċentri fil-komunità għat-teknoloġija u t-tagħlim hi inizjattiva oħra biex nassiguraw li l-għerf diġitali jkun miftuħ għal kulħadd, ikun x’ikun id-dħul tiegħu jew tagħha. Dan qalu l-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, l-Onor. Austin Gatt, f’konferenza ta’ l-aħbarijiet fejn fiha spjega li l-firda diġitali l-aktar komuni hi l-istess bħall-firdiet kollha li l-politika taffronta l-ħin kollu: iċ-ċentru kontra l-periferija, il-kapitali kontra l-provinċji, it-torri istituzzjonali ta’ l-avorju kontra l-ħajja vera ta’ kuljum tan-nies.  

Il-Ministru Austin Gatt qal li l-istituzzjonijiet jista’ jkollhom rieda tajba kemm trid biex jinteressaw lil min m’hux jaħdem, lill-persuni b’diżabilità, lin-nisa li telqu d-dinja tax-xogħol u lil nies minn setturi oħra li jgħixu ħajjithom ta’ kuljum mingħajr ma jridu jinkwetaw fuq l-istramberiji li l-burokrati jiddilettaw bihom il-ħin kollu. Biex tkun taf x’għandhom bżonn tassew, trid tkun qiegħed jew ikollok diżabilità jew tkun mara li tlaqt id-dinja tax-xogħol. Inkella trid tkun xi ħadd li taħdem kuljum ma’ dawn in-nies.  

Il-Ministru Gatt qal li l-Għaqdiet Mhux Governattivi jagħmlu appuntu dan. Huma l-pont bejn il-burokrazija u n-nies ta’ veru u l-bżonnijiet veri tal-komunità. Għax huma organizzati, jifhmu l-lingwa ta’ struttura u tal-bżonn li qabel tagħmel xi ħaġa, tkun taf kemm tiswa u tonfoq il-flus b’mod responsabbli. Għax jaħdmu fil-komunità jifhmu l-lingwa tal-klienti tagħhom li jaqdu kuljum.  

Għal dan il-għan il-Ministru Gatt spjega li twaqqfet organizzazzjoni li ser tikber għal proġett bi sħab bejn il-Gvern u Għaqdiet Mhux Governattivi. Permezz ta’ din l-organizzazzjoni, ser inwaqqfu Ċentri fil-Komunità għat-Teknoloġija u t-Tagħlim fejn in-nies li ma nistgħux nilħqu direttament, iħossuhom komdi jiġu u jipprovaw it-teknoloġiji.  

Flimkien mal-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA) waqqafna l-organizzazzjoni li qed insejħu Community Empowerment Organisation. Qed nistiednu l-Għaqdiet Mhux Governattivi li huma nteressati li jmexxu Ċentru, biex isieħbu din l-organizzazzjoni. L-ewwel sieħeb tagħna ser ikun il-YMCA Valletta .  

Il-Ministru Austin Gatt qal li qed nifformalizzaw sistema li diġà kienet ippruvata u rnexxiet. Fis-snin li għaddew ftaħna ċentri għat-taħriġ fl-użu tal-kompjuter u l-Internet fiċ-ċentri tal-Caritas (San Blas) u s-Sedqa (Santa Marija). Dawn iċ-ċentri ma kienux miftuħin għall-persuni li wżaw dawn iċ-ċentri. Jirriżulta li madwar mitt persuna ħadu taħriġ fl-użu tal-kompjuter/Internet.  

B’kollox ser jitwaqqfu tmien ċentri li ser jipprovdu:  

·        Aċċess għall-Broadband Internet;

·        Taħriġ;

·        Servizzi għal min qed ifittex xogħol;

·        Servizzi għal negozji żgħar;

·        Programmi għal persuni b’diżabilità;

·        Programm għal taħriġ dwar it-teknoloġija għan-nisa li jaħdmu d-dar;

·        Programm dwar sikurezza on line;

·        Servizzi ta’ l-eGovernment ipprovduti b’mod personalizzat.  

Il-Ministru Gatt elenka l-għajnuna tal-Gvern għal dan il-għan. Il-Gvern minn naħa tiegħu se:

·     Jipprovdi sa 80% tal-valur ta’ l-ispejjeż għall-bini ta’ computer and Internet centre;

·     jiffinanzja parti mill-ispejjeż amministrattivi fejn impjegat ta’ l-IPSL se jiġi ngaġġat bħala amministratur taċ-ċentru u l-Gvern jiffinanzja  Lm4,000 mill-paga tiegħu;

·     jiffinanzja 80% mill-ispejjeż ta’ taħriġ;

·     jiffinanzja programm ta’ taħriġ għal dawk li ser jgħallmu f’dawn iċ-ċentri; ser jiffinanzja t-taħriġ għall-amministraturi taċ-ċentri;

·     jiffinanzja l-aċċess għall-Broadband, għat-telefon, għal WiFi network;

·     jiffinanzja sa Lm250 mill-ispejjeż ta’ dawl u ilma;

·     jiffinanzja Lm200 għall-manteniment ta’ l-apparat u

·     jipprovdi s-software u jara li jkun aġġornat.  

Minn naħa tagħha, l-Għaqda mhux Governattiva tkun trid:

·     tipprovdi l-post fiżiku u l-għamara għall-Computer & Internet Centre,

·     tiffinanzja d-differenza għall-amministratur jew iqabbdu amministratur huma;

·     tiffinanzja id-differenza għal min iħarreġ u jħallas kontribuzzjoni għall-parti mill-ispejjeż tat-twaqqif taċ-ċentri.  

Il-Ministru Gatt irringrazja lil Microsoft li qed jipprovdu s-software li ser jintuża f’dawn iċ-ċentri; lill-HP li qed jipprovdu l-hardware li ser jintuża f’dawn iċ-ċentri; u lill-Maltacom li qed jipprovdu l-konnettività ma’ l-Internet u mat-telefon.  

Għalhekk, dawk l-Għaqdiet Mhux Governattivi li huma nteressati jissieħbu f’din l-inizjattiva għandhom jesprimu l-interess taghhom sa nhar it-8 t’April 2005.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow