Left arrow Mur Lura

GVERN KOMMESS LEJN PROCESS TA’ KONSULTAZZJONI WIESA’

PR0436
Date Icon 22/03/2005

Il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar proposti mill-Kummissjoni Ewropea huwa wieħed wiesa’ u dettaljat. Il-Gvern huwa kommess li f’kull proposta mill-Kummissjoni, jsieħeb miegħu lill-partijiet konċernati, kemm permezz ta’ diskussjonijiet konsultattivi kif wkoll bil-pubblikazzjoni tat-tagħrif neċessarju dwar il-proposti li jkunu qed jiġu mfassla. Fl-istess waqt il-Gvern huwa determinat li jkompli jiżviluppa dan il-proċess.  

Rigward il-Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/88/KE dwar Ċerti Aspetti ta’ l-Arranġament tal-Ħin tax-Xogħol u fil-każ tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Servizzi fis-Suq Intern, il-Gvern mexxa konsultazzjonijiet li issa ilhom għaddejjin xhur sħaħ.  

Fil-każ tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Servizzi fis-Suq Intern, il-Ministeru għall-Kompetittivita u l-Komunikazzjoni ppublikaw dokument konsultatttiv fit-8 ta’ Lulju 2004; 400 kopja ta’ dan id-dokument tqassmu lil dawk kollha nteressati fosthom il-Unions u organiżżazzjonijiet kostitwiti. Permezz ta’ dan id-dokument intalbu l-kummenti ta’ dawk kollha nteressati, li kollha ġew ikkunsidrati. Fl-1 ta’ Ottubru ġiet organiżżata konferenza nazzjonali dwar is-suġġett li fiha l-UĦM ipparteċipat b’mod attiv. Sussegwentement saru diversi laqgħat sabiex tiġi ffinalizzata l-pożizzjoni Maltija dwar din id-Direttiva, u dan il-proċess għadu għaddej.  

Rigward il-Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/88/KE dwar Ċerti Aspetti ta’ l-Arranġament tal-Ħin tax-Xogħol, il-pożizzjoni tal-Gvern Malti ġiet mgħarrfa publikament sa mill-5 ta’ Ottubru 2004 permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Il-proposta ġiet diskussa fil-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Novembru tal-2004 u aktar tard fil-Kumitat ġħall-Affarijiet Soċjali f’Jannar tal-2005. Barra min dan, din il-Proposta u l-pożizzjoni tal-Gvern Malti ġew diskussi bejn rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u uffiċjali tal-Gvern Ingliż, f’żewġ okkażjonijiet f’Awwissu tal-2004 u fi Frar tal-2005. Din il-Proposta ġiet diskussa wkoll fil-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impjiegi. Wara dawn id-diskussjonijiet wiesgħa, il-Gvern iffinaliżża l-pożizzjoni tiegħu dwar din il-proposta li ġiet approvata mill-Kabinett u li ser tiġi ppublikata fuq il-website tal-Parlament fil-ġranet li ġejjin.  

F’dan il-kuntest il-Gvern ma jistax jifhem id-dikjarazzjonijiet tal-Union Ħaddiema Magħqudin li qed tiddikjara li l-Gvern qed iżomm din l-informazzjoni għalih nnifsu. Il-Union Ħaddiema Magħqudin kienet rappreżentata f’numru sostanzjali ta’ dawn il-korpi konsultattivi filwaqt li kellha l-opportunita kollha li tattendi s-sessjonjijiet tal-Kumitati Parlamentari.  Il-Gvern jibqa’ miftuħ għal kull suġġeriment dwar kif dan il-proċess importanti ta’ konsultazzjoni jista’ jkompli jissaħħaħ.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow