L-UFFIĊĊJU TAL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA DWAR L-ALLEANZA BEJN IL-GVERN U L-HP: IL-GVERN KIEN QED JAĠIXXI FL-INTERESS SOĊJALI U EDUKATTIV
L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta ħareġ id-deċiżjoni tiegħu wara l-ilment li għamel is-Sur Joe Tabone f’isem il-GRTU kontra l-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni.
Il-Ministeru jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni ta’ l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta li l-Alleanza Strateġika bejn il-Gvern u l-HP li wasslet, fost affarijiet oħra, biex studenti Maltin igawdu minn prezzijiet imraħħsa fuq kompjuters, ma saritx bi ksur ta’ xi liġi tal-kompetizzjoni.
Id-deċiżjoni ta’ l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta fil-qosor tgħid li:
(1) Il-Ministeru “jirriżulta illi qed jaġixxi fl-interess soċjali u edukattiv bħala parti mill-funzjonijiet pubbliċi tiegħu (...) L-Uffiċċju ma [jirriżultalux] li hemm xi ftehim bejn il-Gvern u l-HP dwar il-bejgħ ta’ kompjuters bi prezz baxx minn HP. Fil-fatt din kienet offerta unilaterali minn naħa ta’ HP li l-Gvern laqa’ pożittivament”;
(2) Rigward l-ilment li l-Ministeru m’għamilx sejħa għal expressions of interest, l-Uffiċċju sab li “attivitajiet bħal dik li għamlet l-HP kienu aċċessibbli għal kulħadd għal żmien twil u kull min kien interessat seta’ u għadu jista’ jieħu inizjattivi bħal dawn”;
(3) Rigward l-allegazzjoni ta’ ‘predatory pricing’, l-Uffiċċju fakkar li “l-fatt illi intrapriża li m’hijiex dominanti [bħal m’hi l-HP] tippromwovi l-prodotti tagħha billi tbiegħ bi prezzijiet baxxi sabiex iżżid is-sehem fis-suq tagħha ma jmurx kontra l-liġi tal-kompetizzjoni.”
Intant l-Uffiċċju ordna wkoll lid-distributuri tal-prodotti ta’ l-HP (it-tnejn membri tal-GRTU) biex ma jibqgħux jallokaw il-klienti tagħhom bejniethom iżda li javżaw lill-istudenti li huma liberi jixtru l-kompjuter mill-ħanut li jagħżlu huma.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946