TWAQQIF U TAĦRIĠ TA’ TIM TA’ ĠENITURI VOLUNTIERA GĦALL-LITTERIŻMU FIL-KOMUNITA’ – REĠJUN TAL-KOTTONERA
21st January, 2018
Press Releases
TWAQQIF U TAĦRIĠ TA’ TIM TA’ ĠENITURI VOLUNTIERA GĦALL-LITTERIŻMU FIL-KOMUNITA’ – REĠJUN TAL-KOTTONERA
“Permezz ta’ dan il-progett il-komunità tar-reġjun tal-Kottonera se jibbenefika b’diversi modi fosthom billi permezz ta’ dawn l-attivitajiet ta’ litteriżmu, ser titħeġġeġ kultura ta’ qari fil-familja waqt li jitkattru l-ħiliet ta’ adulti fil-komunità.” Il-Ministru Louis Galea kien qed jitkellem waqt it-tnedija ta’ inizjattiva bi sħab bejn il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi u d-Dipartiment Libreriji u Arkivji. Din l-inzjattiva hi t-twaqqif u t-taħriġ ta’ tim ta’ ġenituri li volontarjament qed jaħdmu fir-reġjun tal-Kottonera favur il-litteriżmu.
IL-FES qed twettaq din l-inizjattiva fil-qafas ta’ proġett parzjalment iffinanzjat mill-Programm ta’ Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006 Fond Soċjali Ewropew. Grupp ta’ ġenituri se jitħarrġu sabiex joffru servizz fil-libreriji tal-Komunità tagħhom fil-Cottonera. Se jagħmlu dan billi jħajjru ġenituri oħrajn jagħmlu użu aktar tar-riżorsi tal-librerija tagħhom waqt li jorganizzaw attivitajiet fejn iħajjru aktar ġenituri joħolqu numru ta’ riżorsi biex ikattru l-imħabba għall-qari. Fost ir-riżorsi li se joħolqu waqt it-taħriġ, il-ġenituri se jiġu mħajjra joħolqu xkora-storja (story bags) u kotba kbar (big books). Il-ġenituri li se jiġu mħarrġa se juru lil ġenituri oħrajn strateġiji ta’ kif jużaw dawn ir-riżorsi, fosthom rakkuntar ta’ stejjer (story telling) b’mod eċċitanti u parteċipatorju, u kif ukoll qari f’pari (paired reading) u qari flimkien (shared reading). Wara t-taħriġ, il-ġenituri huma mistennija li jiksbu ħiliet importanti ħafna dwar għarfien tar-riżorsi fil-komunità u l-użu effettiv tagħhom, kif iħajjru residenti oħra biex ikomplu jitgħallmu matul ħajjithom (lifelong learning), kif jaħdmu f’tim bejniethom u ma’ min imexxi libreriji u programmi edukattivi, u ppjanar ta’ strateġiji prattiċi sabiex jiħqu għanijiet maqbula.
Il-Ministru Galea qal li “dan il-progett se jagħti opportunità biex jitħarrġu adulti biex isiru riżors edukattiv fil-komunità u fir-reġjun waqt li hu mistenni li jiżdied n-numru ta’ self ta’ kotba fir-reġjun u tiżdied is-sħubija ta’ tfal u adulti fil-libreriji tal-Kottonera. Hu mistenni li jitrawwmu ġenituri-mexxejja (parent leaders) biex jibqgħu joffru servizzi edukattivi fil-komunità tagħhom. Kollox ma’ kollox hu mistenni li l-iskejjel tar-reġjun se jkunu f’qagħda aħjar li jsaħħu u jkattru r-rabta ta’ bejn l-iskola u l-familja u ta’ bejn l-iskola u l-komunità – prinċipji importanti tal-Kurrikulu Nazzjonali”.
DOI 18.03.2005
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946