IL-MINISTRU TA’ L-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U IMPJIEGI JGĦID LI GLENN BEDINGFIELD ŻBALJAT
Glenn Bedingfield kien żbaljat meta qal li l-Ministru Louis Galea ħalla l-kawża ta’ libell kontrih taqa` apposta biex tiġi preskritta. Fil-fatt il-kawża hi aġġornata biex tkompli fl-24 ta’ Mejju, 2005.
Il-Ministru Louis Galea kien qed jieħu sehem fil-programm tas-Super One TV ‘Vice Versa’ l-bieraħ filgħaxija, meta Glenn Bedingfield qal li “il-Ministru Louis Galea kien rebaħ il-libelli kollha li għamel kontra tal-Labour ħlief dak preżentat kontrih, għaliex ħallieh jiskadi apposta, biex jiġi preskritt”.
Is-Sur Bedingfield jew ried iqarraq, inkella lanqas biss hu aġġornat fuq il-ħwejjeġ personali tiegħu. Jekk hi din ta’ l-aħħar, malajr wiehed jifhem għaliex ma tistax toqgħod fuqu fil-ħidma propagandistika tiegħu favur il-Partit Laburista. Jekk wieħed lanqas kapaċi jirrapporta l-verita` fuq ħwejjeġ li jolqtu lilu, aħseb u ara kemm hu kapaċi jirrapporta l-verita` fuq ħwejjeġ li jolqtu lill-avversarji politiċi tiegħu.
Il-Ministru Galea spjega li huwa ppreżenta l-kawża għad-danni ta’ libel għall-malafama kontra Glenn Bedingfield fil-15 ta’ Mejju 2001. Din instemgħet għall-ewwel darba fit-2 tal-Lulju 2001, fil-preżenza ta’ l-avukati tal-partijiet, u ġiet differita quddiem Imħallef differenti għall-4 ta’ Ġunju 2002 biex il-Ministru Louis Galea jressaq il-provi tiegħu bl-affidavit. F’din il-ġurnata, minħabba impenji oħra, il-Ministru Galea u l-Avukat tiegħu ma dehrux, u l-Qorti ddifferiet il-kawża ‘sine die’. Dan ifisser li l-kawża tista` tiġi ri-appuntata fuq talba ta’ wieħed mill-partijiet.
Fl-10 ta’ Gunju 2002, sitt ijiem biss wara s-smigħ tal-kawża, il-Ministru Louis Galea talab lill-Qorti biex terġa’ tirriappunta l-kawża għas-smigħ. Fid-9 ta’ Lulju 2002 il-Qorti ddikjarat li tipprovdi dwar ir-rikors wara li l-attur jippresenta l-affidavit tiegħu. Fit-30 ta’ Ottubru 2002 il-Ministru Louis Galea ippreżenta l-affidavit tiegħu. Proprju fid-9 ta’ Frar, 2005, il-kawża ġiet ri-appuntata għas-smigħ għall-24 ta’ Mejju, 2005.
Tajjeb jintqal ukoll li, minkejja ftehim, Glenn Bedingfield hedded li jirtira mill-programm jekk jidħol fl-istudio Dr. Peter Fenech, wieħed mid-Diretturi tal-Bord ta’ l-FTS. Il-Ministru Galea kien insista li fil-programm miegħu huwa ried jassistuh lill-agent Kap tal-FTS, is-Sur George Papagiorcopulo, u lil Dr Peter Fenech bħala wieħed mid-Diretturi tal-Bord tal-FTS, it-tnejn informati fuq il-fatti rilevanti. Filwaqt li l-preżentatur tal-programm, is-Sur Charlon Gouder, kien aċċetta dan l-arrangament, ftit minuti qabel beda l-programm, is-Sur Bedingfield beża` mill-preżenza ta’ Dr Fenech u ma riedx li dan jieħu sehem fil-programm u lanqas li jkun preżenti fl-istudio. Originarjament, meta saret l-istedina lill-Ministru Galea, qalulu li kien ser ikun hemm ġurnalista ndipendenti. Iżda meta ġew mistoqsija min ser ikun dan il-ġurnalist, ta’ Super One qalu li kien ser ikun Glenn Bedingfield!
Il-Ministru Galea qal li Glenn Bedingfield ilu ġimgħat sħaħ iżeffen ismijiet ta’ nies fil-‘clips’ u fl-artikoli tiegħu, partikolarment ta’ l-istess Avukat Fenech, mingħajr dawn iċ-ċittadini privati ma ngħataw iċ-ċans jiddefendu isimhom. Iżda fil-mument tal-verità, meta rinfaċċat bil-possibilità li wieħed minnhom jirrispondieh fuq il-media laburista fejn ixandar l-istess Glenn Bedingfield, huwa beża` u hedded li jirtira mill-programm ta’ l-istazzjon tiegħu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946