WASAL BIEX JINTEMM XOGĦOL TA’ RESTAWR FIL-KAPPELLA TA’ SAN ĠAKBU F’ĦAL-LUQA
Diversi kappelli u bini storiku qed igawdu mill-ħidma tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Ix-xogħol intensiv ta’ restawr fuq il-kappella ta’ San Ġakbu f’Ħal-Luqa issa wasal biex jintemm ukoll. Din il-ġawhra ta’ arkitettura, li kien ila żmien twil abbandunata issa ġiet restawrata mill-ħaddiema tal-Gvern. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta żar dawn ix-xogħlijiet.
Il-kappella ta’ San Ġakbu, li tagħmel mal-Parroċċa ta’ Ħal-Luqa kienet probabilment mibnija għall-ħabta tas-sena 1550. Madankollu, il-kappella ngħatat id-dehra preżenti fil-bidu tas-seklu għoxrin, meta fl-1901 Ġużeppi Ciappara bena l-aspidi u l-kampnar, kif ukoll inbidel is-saqaf. Probabilment is-sagristija u l-istatwi ta’ San Ġakbu u San Pawl saru wkoll fl-istess sena. Il-kampnar intlaqgħat minn sajjetta fl-1979, li kkawżat ħsara strutturali kemm fil-kampnar innifsu kif ukoll fis-saqaf tal-knisja.
Il-Ministru Ninu Zammit spjega li din il-kappella qeda’ tiġi rrestawrata wkoll minn ġewwa. Hawn qed jinbidel il-pavimentar li ħafna minnu hu mkisser. Il-parti l-kbira tax-xogħol kien jikkonsisti fil-konsolidament tal-kampnar, tindif u tberfil. Sar ukoll id-deffun tal-bejt u nbidel is-saqaf tas-sagristija. Sabiex dan ix-xogħol ikun komplut, qegħdin jiġu restawrati l-aperturi ta’ l-injam. Dan il-proġett ta’ restawr se jiswa madwar Lm8,000.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura tenna li wara li jispiċċa dan ix-xogħol se jinbeda restawr fuq il-kappella dedikata lil Marija Madalena fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Filwaqt li għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Kunsill Lokali tal-Floriana, fil-ġimgħat li ġejjin għandu jibda xogħol ukoll fuq l-Għajn tal-Ħasselin fl-Imsida. Dawn huma kollha xogħlijiet li twettqu u se jitwettqu minn ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946