ESIBIZZJONI FIR-RESIDENŻA SAN VINĊENZ FL-OKKAŻJONI TAL-ĠIMGĦA MQADDSA
L-Onor Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’, inawgurat 5 esibizzjonijiet li jittellgħu fi swali differenti fir-Residenza San Vincenz de Paul. Dawn il-wirjiet jagħmlu parti minn numru ta’ attivitajiet li qed jiġu organizzati għall-Ġimgha Mqaddsa u l-Għid f’din ir-residenza.
Fost dawn l-attivitajiet insibu wirja ta’ Ċenaklu Life Size, xogħol maħdum mill-istatwarju Michael Bonnici. Din hija meqjusa bħala l-attrazzjoni prinċipali f’San Vincenz għal din is-sena. Ma jonqosx ukoll xogħol artistiku bis-smid fuq inkwadri, b’tema relatata mal-Gimgħa Mqaddsa, kif ukoll vari zgħar fi sfond ta’ knisja. Insibu wkoll esibita l-vara bi xbieha ta’ Ġesu Redentur Life Size.
Esibiti oħra jinkludu r-Rappreżentazzjoni tat-Triq tas-Salib, xogħol bil-jablo u l-ġibs li turi t-toroq ta’ Ġerusalem; iċ-Ċenaklu fejn hemm preparata l-ikla tradizzjonali ta’ l-Għid mal-Lhud; wirja b’sett ta’ 12-il vara mpoġġija ġo kappelluni verament artistiċi, kif ukoll mejda ta’ l-appostli fejn insibu diversi platti w inkwadri maħduma mill-melħ kif ukoll bl-għaġin.
Dawn il-wirjiet ser ikunu miftuħin mis-17 ta’ Marzu sas-27 ta’ Marzu 2005. Il-ħinijiet tal-ftuħ ser ikunu mid-9.30 a.m. san-12.30 p.m. u mit-3.00 p.m. sad-9.00 p.m.
Fi tmiem il-ġimgha l-oħra ġiet organizzata quddiesa u purċissjoni bil-vara tar-Redentur li kienet akkumpanjata mill-banda Grupp Muzikali Trinita’ Qaddisa tal-Marsa, mill-Boy Scouts tal-Qrendi, u mill-Fratellanza Madonna Tal-Karmnu Zurrieq. Minbarra dan nhar Ħamis ix-Xirka ser issir ukoll il-funzjoni li tinkludi l-Ħasil tar-Riġlejn. Nhar Ħadd il-Għid tiġi wkoll organizzata l-purċissjoni tal-Irxoxt. Ġew organizzati wkoll eżercizzji spiritwali għar-residenti ta’ San Vincenz.
F’kumment li tat, l-Onor Helen D’Amato qalet li: “Għalkemm il-prijorita` tal-ħidma tagħna hija dik li tingħata l-aqwa kura lill-anzjani, irridu wkoll nassiguraw li r-residenti jkomplu jgawdu l-ħajja soċjali u spiritwali tagħhom b’rispett u dinjita`.”
Huwa għalhekk li f’din ir-residenza jiġu organizzati numru ta’ attivitajiet socjali u reliġjużi fuq bażi regolari matul is-sena. Dan jista’ jseħħ permezz tal-ko-operazzjoni ta’ l-anzjani nfushom, ta’ l-amministrazzjoni, tal-ħaddiema u tal-kappillani residenti f’din ir-residenza.
L-Onor D’Amato żiedet tgħid li qed isiru arranġamenti mal-kappillani f’San Vincenz biex ikun hemm aktar quddies iċċelebrat fis-swali kollha tar-residenza.
Hija ħeġġet lill-ħaddiema, anzjani u familjari tagħhom kif ukoll il-publiku in ġenerali biex jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet u biex iżuru l-wirjiet li ġew imħejjija b’tant dedikazzjoni u ħila mill-ħaddiema, bl-appoġġ ukoll tar-residenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946