AZZJONIJIET INDUSTRIJALI FIL-KORPORAZZJONI ENEMALTA
Il-General Workers Union il-bieraħ tat direttivi t’azzjonijiet industrijali lill- membri f’diversi taqsimiet tal-Korporazzjoni Enemalta.
Il-union ordnat lill-ħaddiema ta’ l-avjazzjoni, li xogħolhom hu jagħtu l-fuel lill-ajruplani, biex ma jagħmlux xogħol ta’ żamma ta’ rekords fl-ajruport kif inhu dmirhom li jagħmlu. Fit-tlieta ta’ wara nofsinhar tal-lum, imbagħad, il-union jidher li eskalat id-direttivi tagħha u ordnat lill-membri biex lanqas ma jagħtu informazzjoni bil-fomm biex jimla d-dokumentazzjoni xi ħadd ieħor.
Il-union tat ukoll direttivi lill-impjegati fil-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku li ma kinux speċifikati f’korrispondenza mal-management tal-Korporazzjoni iżda l-management hu informat li ħaddiema mal-boilers u t-turbini qed jirrifjutaw li jwieġbu t-telefon minn fejn jingħataw direttivi mill-control room dwar kif għandhom iħaddmu t-turbini tal-Power Station.
Minkejja li l-ġimgħa li għaddiet, il-Korporazzjoni Enemalta talbet lill-General Workers’ Union biex tipprovdi l-lista ta’ l-affarijiet kollha li skond hi jridu jitranġaw, din il-lista baqgħet ma ntbagħtitx sal-lum u l-union tat bħala skużi għall-azzjonijiet industrijali, sitt kwistjonijiet li dwarhom il-union qed tgħid li għandha tilwima mal-management.
Is-sitt kwistjonijiet huma spjegati hawn:
1. Taqsima ta’ l-avjazzjoni
Il-kwistjoni fit-taqsima ta’ l-avjazzjoni bdiet kmieni fl-2002 meta l-Korporazzjoni Enemalta u l-General Workers’ Union bdew taħdidiet biex tinbidel is-sistema kif taħdem din it-taqsima. Sa dakinhar it-Taqsima f’kull ħin kienet tħaddem 14-il impjegat, li minnhom 11 ikunu aviation crewmen, ma’ kull xift tul l-erbgħa u għoxrin siegħa tal-ġurnata sebat ijiem fil-ġimgħa. Dan minkejja li minn 168 siegħa fil-ġimgħa, huma biss 8 siegħat fejn il-Korporazzjoni għandha bżonn 11-il aviation crewman biex jipprovdu servizz lill-ajruplani. Matul il-95% fil-mija tas-siegħat l-oħra l-parti l-kbira tal-11-il aviation crewman ikunu weqfin.
Il-Korporazzjoni Enemalta riedet tibdel din is-sistema għax kienet ħalja u riedet tkun f’pożizzjoni li tassenja kemm ikun hemm bżonn impjegati skond kemm ikun hemm ajruplani li jeħtieġu servizz – kif jiġri f’ajruporti internazzjonali oħra. F’Marzu 2002, il-union ħadet l-ewwel azzjonijiet industrijali li wasslu għal attentat ta’ rikonċiljazzjoni quddiem id-Direttur tax-Xogħol li ma rrisolviex is-sitwazzjoni.
Minħabba f’hekk nhar l-1 t’Awissu 2003 u, wara, nhar is-7 ta’ Marzu 2005, il-General Workers’ Union ġiet informata mill-Korporazzjoni Enemalta li s-sistema tax-xift ta’ 11-il aviation crewman ma tistax tibqa titħaddem, aktar u aktar minħabba li minn żmien il-Ftehim Kollettiv l-antik, dan is-suq ġie liberalizzat u imminentement operaturi oħra għandhom jidħlu f’dan is-suq. Il-Korporazzjoni Enemalta avżat lill-union li jekk il-Korporazzjoni ma ssirx aktar kompetittiva f’dan is-settur, ser ikun mhedded l-impjieg stess tal-ħaddiema ta’ din it-Taqsima. Il-union wieġbet li hi indifferenti għal din iċ-ċirkostanza u qed tesiġi li l-prattiċi tax-xogħol antikwati li għadhom jeżistu jibqgħu fis-seħħ.
Ironikament, l-azzjonijiet ordnati mill-General Workers’ Union ma ġewx preċipitati mill-fatt li l-Korporazzjoni tat xi avviż li minn xi data ‘l quddiem ma kienx se jibqa’ jitħaddem ix-xift. S’issa l-Korporazzjoni kienet qed tpatti n-nuqqas t’impjegati mix-xift ta’ 11-il crewman minħabba li xi impjegati rtiraw, billi tħaddem l-impjegati l-oħra tat-taqsima bl-over-time.
2. Trasport lejn il-Power Station ta’ Dellimara
Il-General Workers’ Union avżat lill-Korporazzjoni Enemalta li qed titlewwem magħha wkoll għax inbidel il-mod kif jiġi pprovdut is-servizz ta’ trasport għall-impjegati lejn il-power station ta’ Dellimara.
Fl-imgħoddi, il-Korporazzjoni kienet tipprovdi servizz matul il-ġurnata mill-power station ta’ Dellimara sal-Belt Valletta u lura. Dan is-servizz kien użat minn ftit nies tant li vjaġġ rari kien iġorr aktar minn tlett persuni u spiss kien jagħmel il-vjaġġ vojt għal kollox. L-unika vjaġġi li kienu jġorru sa massimu ta’ ħmistax-il impjegat kienu l-ewwel u l-aħħar vjaġġ tal-ġurnata għax kienu jsiru barra l-ħinijiet tat-trasport pubbliku. Irid jinftiehem li n-numru t’impjegati li potenzjalment jistgħu jużaw dan is-servizz ivarja matul il-ġurnata bejn 60 u 90 impjegat.
Minħabba l-ħela kbira f’dan is-servizz, f’Ottubru 2004, il-Korporazzjoni Enemalta avżat lill-General Workers’ Union li kien ser isir tibdil fis-sistemi tat-trasport għall-impjegati. Il-vjaġġi li jsiru barra l-ħinijiet tat-trasport pubbliku kien se jinżammu l-istess (mil-Belt Valletta sal-Power Station ta’ Dellimara u lura), iżda fil-ħinijiet l-oħra matul il-ġurnata u bl-istess frekwenza li s-servizz kien jitħaddem qabel, it-trasport kien se jkun ipprovdut mill-Power Station ta’ Dellimara sa Bir id-Deheb fiż-Żejtun minn fejn hemm trasport pubbliku frekwenti pprovdut sal-Belt Valletta u r-rħula oħra fil-madwar.
Il-union ma kellha ebda reazzjoni għall-kommunikazzjoni bil-miktub t’Ottubru 2004 u lanqas għall-kommunikazzjoni biex tfakkarha f’Novembru ta’ wara. F’Diċembru li għadda l-Korporazzjoni qalet lill-union li kienet qed tassumi li l-union m’għandha ebda oġġezzjoni għat-tibdil iżda l-union talbet li jsiru laqgħat dwar is-suġġett f’Jannar. F’laqgħat li saru f’Jannar u fi Frar intlaħaq qbil li s-servizz ikunu implimentat.
L-Enemalta għaddiet biex ħarġet tender u qabbdet kuntrattur privat biex jipprovdi servizz fuq il-linji l-ġodda għal sena mit-28 ta’ Frar 2005. Meta daħal dan is-servizz l-użu fqir tat-trasport tal-kumpanija baqa’ bejn wieħed u ieħor kif kien qabel: la naqas u lanqas żdied. Iżda l-General Workers’ Union issa qalet li l-impjegati ta’ Dellimara kienu qed jgħidu li xi ftehim antik kien iwiegħdhom servizz sal-Belt Valletta u li allura dan is-servizz għandu jibqa’ jiġi pprovdut.
Irid jingħad li l-union ħadet sitt xhur biex qajmet oġġezzjoni għall-bidla fis-servizz u ħalliet li s-servizz jiġi kkuntrattat u jibda qabel qajmet oġġezzjoni.
3. Protesta tat-Taqsima tal-Metres
Fl-isforz tagħha biex taqbad ’il min jisraq l-elettriku billi jbagħbas il-metres tad-dawl, il-Korporazzjoni Enemalta offriet allowance apposta lill-impjegati tagħha fit-Taqsima tal-Metres li jinformawha b’każi fejn isibu tbagħbis. Il-General Workers’ Union qablet ma’ din l-inizjattiva f’laqgħa mal-Korporazzjoni nhar is-16 ta’ Diċembru 2004.
Minn dakinhar ’l hawn il-Korporazzjoni ddeċidiet li tagħti din l-allowance ukoll lill-impjegati li jaħdmu fid-Distretti li f’xi ċirkostanzi jindunaw bi tbagħbis meta jsegwu talbiet mill-klijenti stess għal xi tiswija. Meta dawn l-impjegati tad-Distretti jsibu tbagħbis, jgħaddu l-informazzjoni lill-Korporazzjoni u jieħdu l-allowance bħala inċentiva. Imbagħad f’kull każ jinbagħtu l-ħaddiema tat-Taqsima tal-Metres biex jieħdu l-azzjoni li hemm bżonn u huma wkoll jingħataw l-allowance. Dan ifisser li l-azzjoni li ħadet il-Korporazzjoni ma tellfet xejn mid-dħul ta’ l-impjegati tat-Taqsima tal-Metres iżda żiedet id-dħul tal-ħaddiema tad-Distretti. Mill-perspettiva tal-Korporazzjoni dawn l-inċentivi huma flus minfuqa tajjeb għax jikkontrollaw is-serq u jżidulha d-dħul.
Il-General Workers’ Union qed toġġezzjona li l-allowance m’hix tingħata lill-ħaddiema tat-Taqsima tal-Metres biss iżda qed tingħata wkoll lill-ħaddiema tad-Distretti. Jidher li l-union ippretendiet li l-Korporazzjoni ma teżerċitax il-prerogattiva tagħħha li tinforma lill-ħaddiema tagħha li daħħlet allowance ġdida iżda tkun hi (il-union) li ttihom l-aħbar it-tajba. Fil-fehma tal-union dan l-inċident hu kawża suffiċjenti għal azzjonijiet industrijali.
4. Proċeduri ta’ l-operaturi tat-telefon
Il-Korporazzjoni f’kull ħin tħaddem żewġ impjegati biex iwieġbu t-telefonati fil-power station tal-Marsa. Dawn jinkludu telefonati li jidħlu fil-Power Station matul il-lejl.
Fl-imgħoddi l-Korporazzjoni kienet iżżomm dan is-servizz ukoll minn uffiċju f’Għawdex 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa. Minflok il-Korporazzjoni Enemalta ddeċidiet li s-servizz minn Għawdex iżżommu mis-7 ta’ fil-għodu sa l-10.30 ta’ fil-għaxija u fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jsiru telefonati minn Għawdex bejn l-10.30 ta’ fil-għaxija u s-7 ta’ fil-għodu dawn jinqalbu direttament biex iweġbuhom l-operaturi fil-Marsa. Hu stmat li n-numru ta’ telefonati li din it-tibdila tfisser hi ta’ massimu ta’ 200 telefonata fis-sena, jew anqas minn telefonata waħda f’xift sħiħ ta’ tminn siegħat.
Il-General Workers’ Union qed tgħid li ma kienx jedd tal-Management li jieħu din il-miżura għalkemm ma kien qatt miftiehem li l-operaturi tat-telefon m’għandhomx iwieġbu telefonati għax dawn jiġu per eżempju minn xi mkien f’Għawdex flok minn xi mkien f’Malta.
5. Taħriġ għall-impjegati fil-power station
F’kull ħin il-Korporazzjoni Enemalta timpjega tminn impjegati ma’ kull sett ta’ boilers u turbini tal-Power Station. Iżda l-ħames turbini tal-Power Station ma jkunux mixgħula l-ħin kollu u jintfew meta d-domanda tonqos jew meta jkun imisshom tiswija ta’ manteniment. Dawn it-tiswijiet regolari jkunu jfissru waqfien ta’ turbina għal madwar seba’ ġimgħat.
Il-Korporazzjoni Enemalta ħarrġet lill-impjegati tal-Power Station biex ikunu kapaċi jaħdmu fuq żewġ boilers u turbini biex meta waħda ma tkunx mixgħula jkunu jistgħu jiġu assenjati xogħol fuq l-oħra. Dan kien aċċettabbli għall-General Workers’ Union.
Il-ġimgħa li għaddiet il-Korporazzjoni bdiet tħarreġ erba’ impjegati oħra biex meta jkun hemm bżonn ikunu jistgħu jiġu assenjati fuq tielet turbina u boiler. Dan biex, meta turbini differenti jkunu mitfijin il-Korporazzjoni ma jkollhiex bzonn iddaħħal nies bl-overtime biex iħaddmu turbina meta għoxrin metru bogħod ikun hemm impjegati oħra ma jagħmlu xejn iħarsu lejn turbina mitfija. Din l-inizjattiva, li hi għal kollox fil-prerogattiva tal-management, sabet ukoll l-oġġezzjoni tal-General Workers’ Union.
6. Tkeċċija t’impjegat
Il-Korporazzjoni Enemalta nhar it-28 ta’ Frar 2005 keċċiet impjegat li nstab ħati għas-sitta u tletin (36) darba ta’ ksur tar-regoli ta’ dixxiplina. Dawn l-inċidenzi ta’ ksur ta’ dixxiplina ġraw fuq perjodu ta’ tmintax-il sena.
Dan l-individwu kien ġie sospiż fi Frar 2003 meta instab ħati tal-35 ksur tad-dixxiplina meta aggredixxa lill-imgħallem tiegħu waqt li hu (l-individwu dixxiplinat) kien fis-sakra fuq ix-xogħol. F’okkażjoni preċedenti l-istess individwu kien agredixxa lill-imgħallem tiegħu meta fittxu u sabu fir-residenza privata tiegħu. Dan il-fatt kien verifikat mill-Pulizija wara stħarriġ li għamlet.
Wara dan, l-individwu kkonċernat aċċetta li jiffirma dikjarazzjoni li jekk jitħalla lura x-xogħol, jaċċetta li l-Korporazzjoni tkeċċih jekk jerġa’ jġib ruħu ħażin. Din id-dikjarazzjoni ffirmha f’Marzu 2003 u tħalla jidħol għax-xogħol.
F’Jannar 2005 reġa’ aggredixxa lill-imgħallem tiegħu u fuq hekk il-Bord tal-Korporazzjoni, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni li kien iffirma, temmlu l-impjieg.
Il-General Workers’ Union ipprotestat għal din it-tkeċċija u argumentat li minkejja d-dikjarazzjoni li kien iffirma l-individwu, it-tkeċċija kellha tkun ikkontemplata biss wara li jsir smigħ mill-Bord tad-Dixxiplina: smiegħ ieħor bħall-35 smigħ li kien ġara qabel u li fihom kien instab ħati.
L-għada tat-tkeċċija ta’ dan l-individwu, il-union talbet informazzjoni dwar ir-raġunijiet għat-tkeċċija tiegħu. Fi Frar 2005 saret laqgħa fejn ġew spjegati r-raġunijiet għat-tkeċċija. Il-union dehret sodisfatta b’dawn ir-raġunijiet iżda b’mod sorprendenti din il-ġimgħa reġgħet kitbet lill-Korporazzjoni tesiġi li tingħata raġunijiet li kienu ngħatawla ġranet biss qabel.
Reazzjoni tal-Korporazzjoni
Il-Korporazzjoni Enemalta kitbet lill-General Workers’ Union illum biex tgħidilha li l-azzjonijiet li qed tieħu huma illegali u li qed iżżommha responsabbli għad-danni li kkawżaw jew jistgħu jikkawżaw.
F’ittra rigward l-azzjonijiet fl-ajruport, il-Korporazzjoni qalet lill-union li dawn l-azzjonijiet jiksru l-Ftehim Kollettiv li jobbliga liż-żewġ naħat jiltaqgħu f’laqgħa konċiljatorja qabel tittieħed xi azzjoni industrijali. Minbarra hekk l-azzjonijiet ordnati fl-ajruport qed jiswew lill-Korporazzjoni danni finanzjarji sostanzjali. L-azzjonijiet li ordnat il-union fl-ajruport huma wkoll ksur serju tal-Proċeduri ta’ Sikurezza u Sigurtà u dan jista’ jkollu konsegwenzi traġiċi.
Il-Korporazzjoni għalhekk qed iżżomm lill-union responsabbli għal dawn id-danni u kwalunkwe danni oħra li jistgħu jiġru minħabba l-azzjoni li ordnat il-union. Il-Korporazzjoni talbet lill-union tirtira l-azzjonijiet kollha u jekk trid il-union, issir laqgħa konċiljatorja skond il-Ftehim Kollettiv. Jekk ma jiġrix hekk il-Korporazzjoni ser tieħu l-azzjonijiet kollha li tippermetti l-Liġi biex tħares l-interessi leġittimi tagħha.
Intant il-Bord tad-Diretturi ta’ l-Enemalta llum ingħata parir minn konsulent espert tekniku li l-azzjonijiet ordnati fl-ajruport jiksru l-proċeduri ta’ sigurezza u li jkun perikoluż li jitkompla s-servizz ta’ l-ogħti tal-fuel lill-ajruplani fil-kuntest ta’ l-azzjonijiet industrijali preżenti. Minħabba f’dan il-Bord tad-Diretturi ta direzzjoni lill-management tal-Korporazzjoni biex iwaqqaf l-operat ta’ l-Enemalta fl-ajruport. Il-Korporazzjoni infurmat b’dan lill-Malta International Airport u lid-Direttur ta’ l-Avjazzjoni Ċivili.
Il-Korporazzjoni għalhekk illum wara nofsinhar għalqet l-operazzjoni fl-ajruport u bagħtet il-ħaddiema ‘l barra mill-faċilitajiet tagħha hemm. Il-Korporazzjoni tat ukoll struzzjonijiet lill-impjegati li jridu jibqgħu jaħdmu biex jirraportaw fl-uffiċji ċentrali tal-Korporazzjoni fil-Marsa biex jiffirmaw dikjarazzjoni li huma disposti jaħdmu skond il-proċeduri normali tax-xogħol u li jobdu l-istruzzjonijiet leġittimi kollha tal-management.
Jekk u biss meta jkun hemm biż-żejjed ħaddiema biex il-Korporazzjoni tipprovdi servizz fl-ajruport skond il-provvedimenti stabbiliti ta’ sigurtà, jerġa’ jibda jingħata s-servizz ta’ l-ogħti ta’ fuel lill-ajruplani.
Il-ħaddiema kollha li ma jiffirmawx din id-dikjarazzjoni qed jiġu sospiżi mingħajr paga b’effett mil-lum wara nofsinhar. L-impjegati sospiżi m’hux se jitħallew jidħlu fuq il-post tax-xogħol.
F’ittra oħra dwar id-direttivi tal-union lill-ħaddiema tal-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, il-Korporazzjoni fakkret lill-union li qed tikser il-provvedimenti tal-liġi li speċifikatament jgħidu li ma tista tittieħed ebda azzjoni industrijali li l-konsegwenza tagħha tista’ tkun li tiġi sospiża l-provvista ta’ l-elettriku.
Il-Korporazzjoni stqarret li l-konsegwenzi ta’ din is-sitwazzjoni huma ċari, jiġifieri li jkollha tissospendi l-provvista elettrika lill-konsumaturi tagħha industrijali jew domestiċi u twaqqaf lill-pajjiż milli jopera normalment.
Il-Korporazzjoni avżat lill-union ukoll li “n-nuqqas ta’ kommunikazzjoni bejn il-ħaddiema [minħabba d-direttiva biex ma jweġbux it-telefon] tista’ twassal għal ħsarat serji fl-apparat tal-Power Stations, kif ukoll, aktar gravament, dan l-aġir jista’ jikkostitwixxi ukoll sogru għal saħħet il-ħaddiema.”
Il-Korporazzjoni fakkret lill-union li l-azzjonijiet li ordnat “ser ikollu wkoll konsegwenzi finanzjarji u soċjali u tagħhom tkun interament responsabbli l-General Workers’ Union li qed tieħu din l-azzjoni mingħajr m’eżawriet ir-rimedji kollha ta’ konċiljazzjoni li jipprovdu l-Ftehim Kollettiv u l-Liġi.”
Il-Korporazzjoni tenniet sejħa biex il-union twaqqaf id-direttivi u fakkritha li qed iżżommha responsabbli ta’ l-aġir li ħadet. Il-Korporazzjoni żammet id-dritt li tieħu kull azzjoni oħra li tippermettilha l-liġi.
Il-Gvern qiegħed javża lill-konsumaturi tal-Korporazzjoni Enemalta li dawn l-azzjonijiet jista’ jkollhom impatt fuq il-livell ta’ servizz li ttihom.
Il-Gvern jistqarr ukoll li l-union għandha tifhem li hu dmir il-management li jmexxi l-organizzazzjoni bl-aktar mod effiċjenti u bl-anqas ħela u li m’huwiex dritt tal-union li tippretendi li tiddeċiedi hi kif għandha titmexxa l-organizzazzjoni.
Mehmuż issibu l-korrispondenza li ntbagħtet illum mill-Management tal-Korporazzjoni lill-General Workers’ Union.
.../pr0402.pdf
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946