DISKORS MILL-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U KOMUNIKAZZJONI FL-OKKAŻJONI TAL-ĠURNATA DINJIJA DEDIKATA GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR – FURJANA – 16 TA’ MARZU 2005
Aħna għadna d-dover li nassiguraw li d-drittijiet tal-konsumatur ikunu mħarsa. Dan hu dmir tagħna ta’ kuljum iżda kull sena niddedikaw ġurnata apposta sabiex ikollna l-okkażjoni li nitkellmu iktar fuq l-aspetti kollha ta’ dan is-suġġett tant importanti fil-katina tal-kummerċ. Minbarra hekk ikollna ċ-ċans li niffokaw fuq xi tema speċifika.
Din il-protezzjoni tal-konsumatur hi meħtieġa aktar u aktar fid-dinja tal-lum, meta għandna suq ħieles u allura hemm kompetizzjoni sħiha fis-swieq madwar id-dinja kollha. Il-konsumatur, meta ma jkollux min jgħallmu u jipproteġih, jista’ jisfa’ mkaxkar mill-ħajra tas-suq, fejn kulħadd irid ibigħ, kulħadd irid il-kumditajiet kollha u kultant jitħajjar jixtri oġġetti jew servizzi mingħajr ma jkun informat tajjeb dwar dak li qiegħed jixtri sabiex jiddeċiedi jekk għandux jagħżel dak l-oġġett jew servizz.
Bit-teknoloġija avvanzata li qegħdin naffaċċaw f’dawn iż-żminijiet, il-konsumatur qed jiltaqa’ ma prodotti ġodda ta’ kuljum. Għaldaqstant b’reklamar attrajenti l-konsumatur jiġi mħajjar jixtri u jesperimenta. Dan ir-riklamar qiegħed il-ħin kollu jħajjar lill-konsumatur biex jixtri, mingħajr ma jaħseb biżżejjed almenu jekk hux veru li għandhu bżonn dak l-oġġett jew jekk fil-fatt hux ser jieħu l-valur għal dak li jkun qiegħed jonfoq.
Hawnhekk naraw il-bżonn ta’ informazzjoni tajba dwar il-prodotti kollha, biex b’hekk il-konsumatur ikun infurmat sew dwar x’ser jixtri. L-informazzjoni għall-konsumatur hija l-aqwa arma li jista’ jkollu, peress li din iġġiegħlu jkun konxju ta’ dak kollu li jikkonċerna l-prodott, kemm rigward il-kwalita’, il-mod li bih irid jiġi użat, kif ukoll rigward il-prezz. Id-dritt għall-informazzjoni huwa dritt sagrosant tal-konsumatur, u fil-fatt huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali li l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi sabiex ma’ jiġix sfruttat il-konsumatur. Għal dan il-għan l-UE għandha tmien prinċipji bażiċi biex il-konsumatur ikun protett.
Apparti l-prinċipju li l-konsumatur għandu dritt għall-informazzjoni, hemm ukoll il-prinċipju li l-konsumatur għandu dritt għall-għażla. Aħna nafu li għaddejna minn żmien fejn prodott kien jiġi fi kwalita’ waħda biss. Dan issa ma’ jistax isir. Il-konsumatur għandu d-dritt li jinstema’, kif ukoll għandu d-dritt li jkollu moħħu mistrieħ li l-prodott li jixtri ma jkunx ta’ periklu. Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea stabbiliet ‘standards’ ta’ sigurezza. Dawn il-prodotti għandu jkollhom fuqhom il-marka ‘CE’ biex wieħed ikun żgur li qabel ma nħarrġu għall-bejgħ, dawn kienu manifatturati u ttestjati skond l-istandards tal-UE.
Hemm imbagħad id-dritt ta’ l-edukazzjoni tal-konsumatur, li huwa fundamentali, għax konsumatur li hu edukat huwa konsumatur infurmat.
Il-Gvern hu mpenjat bis-sħiħ biex jassigura li l-konsumatur ikollu d-drittijiet tiegħu protetti. Il-konsumatur wara kollox qiegħed fiċ-ċentru tas-soċjeta’ għaliex kollha kemm aħna qegħdin nikkonsmaw.
L-impenn tagħna li nassiguraw l-ogħla standards, li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu mħarsa u l-assigurazzjoni li aħna bħala Maltin ikollna fost l-aqwa livell ta’ għixien huma kollha parti mill-mira tal-Ministeru u l-Gvern kollu sabiex tassew nassiguraw li dak li qegħdin naħdmu għalih u dak li akkwistajna sa issa jibqa’ jiġi kkonsolidat.
Grazzi hafna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946