IL-PIXXINA NAZZJONALI TERĠA’ TIFTAĦ GĦALL-PUBBLIKU
Il-pixxina nazzjonali se terġa’ tiftaħ għall-pubbliku minn nhar is-Sibt li ġej (19 ta’ Marzu 2005) wara li sar xogħol estensiv ta’ manutenzjoni fil-plant room u fejn inbidlu kompletament ix-showers u ċ-changing rooms ta’ l-istess kumpless. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea, li hu responsabbli wkoll mill-qasam ta’ l-isport, żar il-pixxina fejn ra x-xogħol li sar u fejn qed isiru l-aħħar irtokki biex il-pixxina tkun tista’ tiftaħ b’mod normali minn nhar is-Sibt. Ix-xogħlijiet huma stmati li jlaħħqu mas-Lm 77,000.
Minħabba ħsarat li kien hemm fix-showers, l-ilma għamel ħsarat fl-istruttura ta’ taħt tant li t-travi u l-blajjet li jinsabu fil-plant room ta’ l-istess pixxina bdew juru sinjali ċari ta’ ħsarat strutturali u għalhekk kien hemm bżonn xogħlijiet biex l-ewwel nett tissolva l-problema ta’ l-ilma u fl-istess ħin l-istruttura tingħata l-manutenzjoni li kellha bżonn u tiġi imsaħħa. Fil-fatt inqalgħu kompletament ix-showers u ċ-changing rooms, sar membrane ġdid taħt dawn il-kmamar u tpoġġew is-servizzi kollha b’mod li ma jkunx hemm aktar problemi ta’ l-ilma. Fil-livell ta’ taħt fejn hemm il-plant room issaħħew it-travi u l-kolonni. Wara li saru dawn ix-xogħlijiet sar xogħol biex isiru showers u changing rooms ġodda kemm għall-użu tal-pubbliku kif ukoll għall-użu ta’ l-għaqdiet professjonali li jużaw il-faċilitajiet tal-pixxina.
Il-Ministru Galea qal li din kienet l-ewwel fażi ta’ programm ta’ xogħlijiet li jridu jsiru fil-pixxina biex filwaqt li tinżamm fi stat tajjeb u b’ambjent li jilqa’, ikomplu jittejjbu l-faċilitajiet li jeżistu kemm għall-użu tal-pubbliku kif ukoll għall-użu tal-professjonisti Maltin u barranin li jużaw dawn il-faċilitajiet. Louis Galea qal li fit-tieni fażi se jsir xogħol fuq il-partijiet esterni partikolarment il-faċċata u madwar il-pixxina nnifisha.
Il-Ministru Louis Galea qal li filwaqt li kien hemm ħsarat li kienu dovuti għal xogħol li ma sarx sew, il-parti ’l kbira tal-ħsarat kienet dovuta għall-vandaliżmu li kien iseħħ wara li xi team ikun tilef u dan ma jistax ikun aċċettat, l-ewwel nett għax dawn huma faċilitajiet pubbliċi, imħallsin minn fondi pubbliċi u t-tieni għax juri nuqqas kbir tal-valuri u l-ispirtu sportiv. Biex dawn il-każi ta’ vandaliżmu jitnaqqsu kemm jista’ jkun, minn din is-sena qabel ma’ xi team juża ċ-changing rooms u x-showers, dawn jiġu spezzjonati minn persuni responsabbli mit-team u mill-pixxina nazzjonali; u meta jsiru ħsarat, it-team jeħel penali sostanzjali.
Louis Galea temm jgħid li l-Gvern hu mpenjat li jkompli jinvesti f’dan il-qasam kemm billi jkompli jibni kumplessi sportivi fuq livell reġjonali, kif ukoll billi jkompli jtejjeb il-faċilitajiet eżistenti. Hu qal li minbarra dan, il-Gvern qed ikompli jgħaddi faċilitajiet fuq livell lokali lill-għaqdiet għax l-esperjenza wriet li meta l-għaqdiet fil-lokal ikunu responsabbli minn dawn il-faċilitajiet, jiżdied l-investiment, l-attenzjoni li jingħataw u b’hekk jitjiebu l-faċilitajiet għall-benefiċċju tal-komunitajiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946