IL-GVERN JIBQA’ IMPENJAT LI JINFORMA LILL-POPLU BIL-FATTI
L-Oppoziżżjoni u l-esponenti ewlenin tagħħa qed ikomplu jikkonfermaw kemm l-uniku interess tagħhom huwa li jtellfu l-miljuni li ġejjin mill-Unjoni Ewropea u li se jmorru biex ikopru parti sostanzjali mill-finanzjament ta’ faċilitajiet għall-immaniġġjar ta’ l-iskart.
Ir-reazzjoni ta’ l-Ewro-Parlamentari Soċjalista Joseph Muscat, wara l-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea dwar il-proposti ta’ titjib fl-impjant ta’ Sant’Antnin, hija l-aħħar minn strateġija sħiħa li għandha bħala skop li ttellef lill-Gvern milli jiżviluppa faċilitajiet moderni u ta’ fejda għall-immaniġġjar ta’ l-iskart. Il-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat, M.E.P., issegwi l-ittra mibgħuta mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, immexxi minn maġġoranza Laburista li wkoll qed jipprova jtellef il-miljuni li ġew allokati għall-iżvilupp ta’ l-impjant.
Wieħed irid ifakkar li kien propju l-M.E.P. Joseph Muscat, li waqt il-laqgħa li kienet saret f’Wied il-Għajn, kien li ħareġ bl-idea li jipprova jwaqqaf il-flus li ġejjin mill-Unjoni Ewropea għat-titjib f’Sant’Antnin. Issa, l-istess M.E.P. reġa kien l-ewwel wieħed li rreaġixxa għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Joseph Muscat qed jipprova jħawwad l-imħuħ meta jgħid li l-informazzjoni li tat il-Kummissjoni Ewropea hija ħażina, għax hija informazzjoni li ta l-Gvern Malti.
Id-deputat Ewro-Parlamentari Muscat imissu jaf li l-Kummissjoni Ewropea hija istituzzjoni awtonoma li tevalwa bir-reqqa u bi professjonalita’ kull informazzjoni li tasal għandha. Din il-kampanja ta’ Joseph Muscat mhi xejn għajr attentat miskin biex ifixkel u jtellef opportunita’ oħra li Malta għandha permezz ta’ l-isħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea. Din hi l-istess sħubija li l-partit ta’ l-Oppoziżżjoni ried iċaħħad lill-poplu Malti minnha, u li issa jidher li giet aċċettata minħabba konvenjenza politika, imma mhux b’konvinzjoni.
Id-deputat Ewro-Parlamentari Joseph Muscat huwa mistieden jgħid liema hi l-informazzjoni żbaljata li l-Gvern għadda lill-Kummissjoni Ewropea.
L-informazzjoni li ta l-Gvern Malti hija l-istess informazzjoni li hija aċċessibbli għal kulħadd permezz tal-proċess ta’ konsultazzjoni trasparenti dwar l-Environment Impact Assessment tas-sit fejn se ssir il-faċilita’.
Din hija wkoll l-istess informazzjoni li ntbagħtet lill-partijiet kollha kkonċernati u li dwarha ntalbu jagħtu r-reazzjoni tagħhom matul il-proċess ta’ konsultazzjoni. Hija ħasra li ħafna mill-argumenti li qed jitqajmu bħalissa qatt ma tressqu matul dak il-proċess.
Għal darb’oħra reġa hawn min qed juża politika partiġġjana biex jipprova jtellef mit-twettiq tal-proposti ta’ titjib għall-impjant ta’ Sant’Antnin. Il-Gvern hu determinat li jibqa’ jagħti l-informażżjoni kollha lill-pubbliku, pero’ fl-istess waqt se jibqa’ miexi mal-programm tiegħu biex mill-aktar fis, ir-residenti ta’ Wied il-Għajn ikollhom impjant modern li jħalli l-anqas impatt possibli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946