MATSEC …. X’TAĦSEB?
Illum permezz ta’ l-Istazzjon Edukattiv, Channel 22, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni flimkien mal-Bord għar-reviżjoni tal-MATSEC, xandar l-ewwel tele-konferenza biex ikun hemm diskussjoni dwar l-eżamijiet tal-MATSEC bħala parti mir-riforma li trid iseħħ f’dan is-settur. Parti mill-ewwel sessjoni ixxandret ukoll fuq TVM.
Waqt il-ftuħ u l-għeluq tat-tele-konferenza l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li permezz tar-reviżjoni tal-MATSEC il-Gvern jixtieq li ssir analiżi kritika tas-sistema preżenti u jsiru s-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet biex is-sistema tkompli timxi ‘l quddiem. “Hu għalhekk li xtaqt li l-konferenza, biex issir diskussjoni pubblika, ma ssirx ġo xi sala fejn ikunu jistgħu jidħlu biss ftit mijiet, imma li nużaw l-istazzjon edukattiv biex nilħqu l-akbar ammont possibbli ta’ ġenituri u studenti u tal-pubbliku.”
Eluf ta’ Maltin u Għawdxin kellhom l-opportunita’ jsegwu wieħed mill-programmi li ttellgħu apposta u li fihom tkellmu studenti, għalliema, persuni mill-MATSEC, esperti fis-suġġett, u l-kelliema għall-Oppożizzjoni u l-Alternattiva Demokratika. Dan jidher ċar mill-ammont kbir ta’ telefonati, messaġġi SMS u messaġġi permezz tal-posta elettronika li ntbgħatu mis-semmiegħa.
Is-sistema tal-MATSEC inħolqot fl-1991 bl-iskop li tissostitwixxi l-eżamijiet tal-GCE fil-livelli ‘O’ u ‘A’ ta’ Bordijiet mir-Renju Unit, b’sistema ta’ eżamijiet lokali imfasslin għall-istudenti Maltin u Għawdxin. Iż-żewġ sistemi ta’ eżamijiet li ġew żviluppati isegwu il-prinċipji tal-Kurrikulu Nazzjonali. L-eżami tas-SEC (Ċertifikat ta’ Edukazzjoni Sekondarja) li kien joffri ċertifikat f’kull suġġett sal-livell li wieħed jilħaq hekk kif jispiċċa l-edukazzjoni obbligatorja. Il-Matrikola, minn naħa l-oħra, hi s-sistema li twassal lill-istudenti biex ikomplu studji f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla inkluż l-Universita’.
Matul dawn il-programmi, xxandru features informattivi dwar il-MATSEC li inkludew: kif taħdem din is-sistema, xi kwalifiċi huma meħtieġa biex wieħed ikompli jistudja f’istituzzjoni ogħla jew biex isib impjieg, x’assistenza tingħata lil min ipoġġi għall-eżemijiet tas-SEC u l-MATSEC, kif wieħed għandu jipprepara għal eżami, pariri dwar kif wieħed għandu jwieġeb mistoqsijiet waqt eżami, kif tkun imħejjija karta ta’ eżami u l-proċess ta’ kif tiġi kkoreġuta.
Kull min ikun irid jibgħad xi suġġeriment jew kumment jista jagħmel dan billi jibgħat ittra bil-miktub lill:
Bord ta’ Reviżjoni tal-MATSEC
Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol,
Furjana
Jew billi jżuru s-sit ta’ l-internet: http:///www.cct.um.edu.mt/matsecreview
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946