L-ISKOLA SEKONDARJA ĠDIDA F’ĦAL KIRKOP
Ir-rapport li xandar il-bieraħ ‘One News’ dwar l-iskola l-ġdida sekondarja f’Ħal Kirkop hu żbaljat. Jidher li min fassal ir-rapport kellu f’moħħu biss li jallarma bla ma eżamina l-fatti sewwa, xejn xejn, fl-interess tas-semmiegħa ta’ l-istess ‘One News’.
Il-fatti fir-rigward ta’ l-istruttura ta’ l-iskola l-gdida msemmija huma dawn:
· Il-perit ta’ l-FTS u uffiċjali oħra li jaħdmu fuq is-sit kuljum, u li huma stazzjonati hemm, il ħin kollu jiċċekkjaw li x-xogħlijiet li qegħdin jagħmlu l-kuntratturi jsiru sewwa u skond is-sengħa.
· Is-sena l-oħra l-uffiċjali ta’ l-FTS ġibdu l-attenzjoni tal-periti responsabbli għad-disinn ta’ l-iskola, kif ukoll tal-kuntrattur għal rapporti ta’ difetti f’xi blajjet u f’xi planki.
· Il-perit responsabbli għad-disinn ikkonferma bil-miktub illi ma kienx hemm problema li taffettwa l-istruttura.
· Sabiex tkun żgurata minn dan, l-FTS talbet il-pariri ta’ esperti fuq l-istruttura tal-bini u saru l-“load tests” skond il-British Standards, fejn meħtieġ.
· Ir-riżultati tat-testijiet ikkonfermaw illi l-istrutturi tal-concrete indikati għaddew mit-test u ħadu l-“load” kollha li kellhom jieħdu, skond kif ġew iddisinjati. B’hekk il-perit responsabbli skond il-liġi, ikkonferma li ma kienx hemm diffikulta` fl-istruttura tal-bini.
Ta’ min iżid illi, la l-ġurnalist li għamel ir-rapport u lanqas min ġibed il-filmat u r-ritratti, ma talbu l-ebda permess biex jidħlu fuq s-sit ta’ kostruzzjoni ta’ din l-iskola, kif normalment isir. Dan jikkonferma illi r-rapport u l-visita bil-moħbi tal-ġurnalisti ma jistgħux jitqiesu bħala ġenwini, u saru bi skopijiet ulterjuri.
Ir-rapport tal-bieraħ, b’irresponsabbilita`, ipprova jallarma l-istudenti, l-għalliema u staff ta’ skejjel tal-Gvern, kif ukoll lill-ġenituri fuq skejjel oħrajn. Mill-informazzjoni li għandha f’idejha l-FTS, ma jidhirx li hemm problemi strutturali ta’ periklu f’xi skola tal-Gvern. Kull fejn kellha u kull fejn ikollha rapporti dwar xi periklu jew dubju ta’ periklu l-FTS, fuq struzzjonijiet tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, dejjem ħadet il-passi kollha biex tiġi żgurata s-sigurtà għal kulħadd.
L-iskop ta’ l-FTS huwa li tipprovdi skejjel moderni u ta’ l-aħjar kwalità. Wieħed jieħu gost jinnota li l-media ta’ l-Oppożizzjoni qiegħda tqis il-proġett ta’ l-iskola l-ġdida f’Ħal Kirkop bħala “flagship” ta’ l-FTS. Min tassew għandu l-interess ta’ l-edukazzjoni għal qalbu, la jagħmel ħsara u lanqas jipprova jfixkel ix-xogħol siewi li qegħda tagħmel l-FTS fl-iskejjel tal-Gvern f’Malta u Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946