FTEHIM BEJN IL-MALTA ENTERPRISE U L-BANK GHALL-INVESTIMENT EWROPEW
Il-Bank għall-Investiment Ewropew (EIF) u Malta Enterprise daħlu għal ftehim biex l-EIF tipprovdi counter-guarantee facility lill-Malta Enterprise . Dettalji dwar dan il-ftehim inghataw waqt konferenza ta’ l-ahbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru Austin Gatt.
Il-Ministru Gatt fisser dan il-ftehim bhala opportunita’ biex jinfetaħ aktar l-ispazju għal riskji li tista’ tieħu Malta Enterprise biex tgħin intrapriżi żgħar li huma ibbazati fuq l-innovazzjoni jitwieldu u jikbru.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Malta Enterprise ser taġixxi bħala intermedjarju rikonoxxut għall-European Investment Fund. Fl-istess waqt ser tħallas nofs it-telf minn garanziji bankarji għal self lil ażjendi żgħar (sa massimu ta’ €360,000). Permezz ta’ dan il-ftehim il-European Investment Fund qed tagħti għotja ta’ flus biex tgħin lill-Malta Enterprise tiffinanzja l-isforz biex jinfurmaw lill-ażjendi Maltin bl-opportunità ta’ dan il-programm.
SKEMI
Waħda mill-iskemi hija t-Ta’ Qali Loan Guarantee Scheme. Il-Ministru Gatt tenna l-impenn tal-Gvern li jgħin lill-operaturi fil-Villaġġ tas-Snajja’ f’Ta’ Qali iġeddu dik il-faċilità. Għal dan il-għan ġiet żviluppata skema biex tgħin lil dawn l-operaturi jixtru workshops ġodda. B’din l-iskema qed jiġi garantit is-self li jieħdu dawn l-intrapriżi żgħar u bl-għajnuna ta’ l-EIF hu possibbli li r-riskju fuq aktar inizjattivi jiżdied.
Skema oħra hija l-iStart Up Loan Guarantee Scheme. Din l-iskema ser tieħu post skema iżgħar li kien hemm qabilha għall-ażjendi żgħar fil-Kordin Business Incubation Centre. Barra minhekk għall-ewwel darba se jkun possibbli għal investituri ġodda jibdew negozju ġdid bl-għajnuna ta’ dawn il-garanziji anke jekk ma jkunux Kordin.
It-tielet skema mnedija llum hija l-SME Loan Guarantee Scheme. Din l-iskema ser tgħinna nagħtu l-akbar opportunità ngħinu lill-ażjendi ż-żgħar Maltin. Ażjendi li jħaddmu anqas minn mitt ruħ bi proposti li jkun ċar li ser jagħtu kontribut lill-ekonomija Maltija (aktar valur miżjud, ħolqien t’impjieg, esportazzjoni, eċċ) se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-garanziji.
Il-Ministru Gatt fisser li l-Gvern jemmen li l-ażjendi ż-żgħar huma s-sinsla ta’ l-ekonomija. Huma li jħadmu l-aktar nies u li joħolqu x-xogħol. Dan konna ngħiduh ukoll qabel dħalna fl-Unjoni Ewropea. Iżda biex nittraduċu l-benefiċċji teoretiċi tas-sħubija f’benefiċċji ekonomiċi – fl-għixien tagħna lkoll – irridu ntejbu l-kapaċità tagħna biex ngħarrfu namministraw il-possibilitajiet li għandna.
Austin Gatt spjega li kull min qiegħed fin-negozju jaf li mingħajr riskju m’hemmx suċċess. Kull businessman jaf li m’hux kull riskju ser jirriżulta f’suċċess. Skemi bħal dawn huma maħsuba biex inaqqsu l-gap tar-riskju, iżda ebda ekonomija ħielsa m’hi ser tiddependi għal kollox fuq l-istat (Ewropew jew nazzjonali) biex terfa’ r-riskju weħidha. Il-kuraġġ għall-investiment f’intrapriżi ġodda m’hux ta’ kulħadd. Dan hu invit biex iħajjar aktar niex biex jipprovaw.
Il-Ministru Austin Gatt fakkar li l-Gvern hu impenjat biex ikompli jgħin lill-ażjendi ż-żgħar u jkabbar il-benefiċċji li jeżistu llum, taħt ir-Regolamenti dwar tax credits għall-investiment minn ażjendi żgħar. Sal-lum biex tgawdi minn dawn it-tax credits, ma tridx tkun timpjega aktar minn ħames full-timers. Naħsbu li wasal iż-żmien biex nestendu dawn l-inċentivi għal ażjendi ftit akbar minhekk u nkompru dawk l-ażjendi żgħar li jħaddmu sa għaxar impjegati. Huwa spjega li l-Gvern qed jaħdem biex titneħħa wkoll l-anomalija li kienet tgħodd apprendisti u studenti man-numru ta’ impjegati u allura kien iqaċċat mill-eliġibilità għat-tax credits lil min iħaddem lil lavranti.
Bidla oħra li rridu nagħmlu hu li t-tax credits jibdew jingħataw ukoll għal min jinvesti:
· f’apparat second hand;
· fi propjetà intelletwali;
· labour kapitalizzat;
· bini industrijali;
· u titjib fil-bini industrijali.
“Dawn l-inċentivi akkumpanjati mill-inizjattivi li qed inħabbru llum għal garanziji fuq is-self għall-investiment se jkomplu jgħinu lil ażjendi żgħar isibu saqajhom u jissaħħu”, temm jgħid il-Ministru Gatt.
Dettalji
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946