Left arrow Go Back

KAMPANJA TA’ INFORMAZZJONI FAVUR IL-PRODOTTI TA’ KWALITA’ MALTIN

PR0368
Date Icon 11/03/2005

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent għaddej b’kampanja ta’ informazzjoni li tippromwovi l-frott u l-ħaxix frisk u kampanja oħra ta’ informazzjoni dwar l-inbejjed ta’ kwalita’ Maltin.   Dawn il-kampanji se jkunu swew ma’ l-Lm130,000.  

Dettalji dwar dawn iż-żewġ kampanji ta’ informazzjoni u dwar inizjattivi ġodda li qed jittieħdu ngħataw mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt żjara li għamel lill-istand tal-Ministeru fil-Mediterranean Food Festival.  

Hu qal li l-Ministeru huwa konxju tal-kompetizzjoni li l-biedwi qiegħed iħabbat wiċċu magħha bl-introduzzjoni ta’ prodotti agrikoli minn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropeja.  Il-kampanji ta’ informazzjoni, flimkien ma’ għajnuniet oħra bħalma huma s-sussidji, qed jikkumplimentaw l-isforzi li l-bdiewa lokali qegħdin jagħmlu biex ikomplu jtejbu l-kwalita u jgħollu l-valur tal-prodotti Maltin u b’hekk mhux biss jibqgħu kompettitivi fuq is-suq lokali imma jkomplu jipproduċu prodotti ta’ kwalita superjuri.  

Il-Ministru Pullicino qal li l-l-kampanja ‘Naturalment Malti’ se tkun swiet mad-Lm90,000 u l-għan ewlieni huwa li l-konsumatur Malti jsir dejjem aktar konxju u japprezza aktar il-kwalita u l-valur tal-ħxejjex u l-frott frisk lokali, kif ukoll ta’ prodotti magħmula minn prodott lokali bħalma hi l-kunserva.  

Il-messaġġ ’Agħżel il-frisk, agħżel lokali’ qiegħed jiġi mwassal b’modi diversi fosthom bil-parteċipazzjoni ġewwa fieri diversi, parteċipazzjoni f’fieri barranin bħalma hi s-Salon International de l’Agriculture li saret f’Pariġi, riklami fuq it-televiżjoni, billboards, ġurnali u magazines ewlenin Maltin.  

Il-Ministru Pullicino fakkar li bħalissa għaddejja wkoll kampanja oħra li tippromwovi l-inbid lokali – kampanja li se tkun swiet ma’ l-Lm40,000 u li qed twassal il-messaġġ li għandna nkunu kburin bl-inbejjed tagħna.  

Matul l-attivita’ ta’ dalgħodu ngħataw ukoll dettalji dwar il-publikazzjoni ta’ ktejjeb ’Kif Għandek Tixtri l-Ħaxix Frisk’, u l-produzzjoni ta’ basktijiet tax-xoqqa bil-logo tal-kampanja li ser jitqassmu b’xejn.  Minbarra li jservu l-iskop ta’ din il-kampanja dawn il-basktijiet huma wkoll utli biex ikomplu joħrolqu għarfien dwar materjal alternattiv għall-plastik.  

Il-Ministru George Pullicino qal li se jibqgħu jsiru aktar inizjattivi u fost l-oħrajn semma seminar dwar iż-żejt taż-żebbuġa li se jsir għada u li wkoll jifforma parti mill-istess Mediterranean Food Festival.  Hu qal ukoll li fil-jiem li ġejjin se jkun pubblikat ktejjeb edukattiv immirat għat-tfal.  

Intant bħala parti mill-inizjattiva Naturalment Malti, sa’ llum saru diversi kampanji dwar tadam, patata, majjal u ċitru.  Fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru kampanji dwar ħxejjex tax-xitwa, ħxejjex oħrajn u frott tas-sajf.  Fir-rigward tail-kampanja ta’ l-inbid qed ikunu ppjanati attivitajiet tipiċi li wkoll jipprovdu okkażjoni fejn ikun apprezzat l-inbid lokali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow