MALTA TIPPARTEĊIPA B’SUĊĊESS FIS-SALON INTERNATIONAL DE L’AGRICULTURE LI SAR F’PARIĠI
Malta pparteċipat b’suċċess fis-Salon International de l’Agriculture (SIA) li sar f’Pariġi, fi Franza. Malta pparteċipat għall-ewwel darba f’dan l-avveniment annwali bi ‘stand’ li kien ko-ordinat mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
Is-sehem ta’ Malta laħaq il-qofol tiegħu b’serata tipika Maltija fejn matulha sar tisjir ta’ ikel tipiku Malti minn kok li ttella’ apposta, daqq ta’ mużika folkloristika u esebizzjoni tas-sengħa tipika Maltija tal-ħdim tal-bizzilla.
Fuq l-istand Malti ntwerew ukoll produzzjonijiet li jippromwovu l-pajjiż u s-settur agrikolu. L-attivita’ kienet suċċess kbir u n-numru ta’ viżitaturi kien wieħed soddisfaċenti ħafna. Matul l-attivita’ saru diversi kuntatti li jistgħu jwasslu biex prodotti lokali jsibu swieq ġodda bħalma hu dak Franċiż.
Minbarra l-President Franċiż Jacques Cirac li fetaħ il-fiera u żar ukoll l-istand tal-Kummissjoni Ewropea li kien jinkludi wkoll l-istand Malti, saru wkoll żjarat oħra mill-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Agrikultura u Żvilupp Rurali Mariann Fischer Boel, mill-Prim Ministru Franċiż Jean-Pierre Raffarin u mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż Michel Barnier. Il-Kummissarju Fischer Boel intlaqgħet mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino u hi kellha wkoll okkazzjoni dduq prodotti Maltin.
Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea feraħ lil Malta għas-sehem f’dan l-avveniment tant importanti u wera l-apprezzament li l-istand Malti laħaq l-għan tiegħu li jservi ta’ vetrina għall-prodotti tipiċi. Ta’ min jgħid li t-tema li ntużat torbot mal-kampanja nazzjonali li għaddejja bħalissa ‘Naturalment Malti’ li għandha l-għan li tinforma u tippromwovi t-tjubija tal-prodott frisk lokali.
Is-Salon ta’ din is-sena reġa’ kien suċċess kbir u hu kkalkulat li mat-800,000 ruħ żaru din l-attivita’ li din is-sena kienet l-akbar waħda minn kemm ilu jkun organizzat. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ħadu sehem ukoll mat-30 pajjiż minn madwar id-dinja kollha.
Is-sehem ta’ Malta sar bil-kollaborazzjoni ta’ l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-Ambaxxata Maltija fi Franza.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946