L-IMPENN TA’ KULĦADD HUWA MEĦTIEĠ FIT-TITJIB TA’ L-AMBJENT TAGĦNA
‘L-impenn ta’ kulħadd huwa meħtieġ fit-titjib ta’ l-ambjent tagħna’. Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino waqt l-inawgurazzjoni tal-Environment Fair organizzata mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).
Din il-fiera hija parti mill-KSU Green Project, inizjattiva li fost l-oħrajn tikkonsisti fit-tħawwil ta’ ’l fuq minn 300 siġra fil-campus ta’ l-Universita’, it-twaħħil ta’ diversi reċipjenti għas-separazzjoni ta’ l-iskart, bring-in site kif ukoll kampanja ta’ tagħrif dwar l-impatt li l-iskart ta’ kuljum li niġġeneraw iħalli fuq l-ambjent.
Il-Ministru Pullicino żar iċ-ċentru li l-KSU għamlu fiċ-ċentru ta’ l-universita’, li jikkonsisti fi skart li nġabar mill-kampanja minn studenti fil-jiem ta’ qabel il-fiera. Il-Ministru Pullicino esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-sehem attiv tal-KSU f’kampanja ambjentali u appella biex l-istudenti jipparteċipaw u jikkontribwixxu għal ambjent aħjar, li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefika minnu kulħadd.
Chris Azzopardi u Sam Abela mill-KSU qalu li l-għaqda tagħhom hija konxja li mhux biss għandha tirrappreżenta u tgħin fl-aspett edukattiv fuq livell akkademiku, iżda huwa wkoll essenzjali li tikkontribwixxi b’modi ohra, fosthom li jfissru l-importanza tal-ħarsien ta’ l-ambjent.
Huma rringrazzjaw lin-Nature Trust tad-donazzjoni ta’ siġar tal-ballut li tħawwlu madwar Car Park numru 6, kif ukoll lill-University Precincts Office u l-ġardiniera ta’ l-Universita’ li bis-saħħa tagħhom sar xoghol ta’ zbir, tindif u tranġar ta’ xi ħitan tas-sejjiegħ madwar dan is-sit.
Madwar il-junkyard, il-KSU għamlu track bit-tyres, li wkoll inġabru mill-kampanja, sabiex studenti jistgħu jsuqu electric car li qegħda wkoll fil-campus.
Bħala parti mill-attivitajiet, il-Ministru Pullicino pprova hybrid car li tagħti l-possibilta’ ta’ l-għażla bejn l-użu ta’ l-energija elettrika jew dik tal-petrol.
Il-Ministru George Pullicino żar ukoll il-fakulta’ ta’ l-Inġinerija fejn iltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ l-Għaqda Studenti tal-Inġinerija (UESA). Dawn taw dimostrazzjonijiet fil-laboratorji tagħhom dwar enerġija sostenibbli li tiġi ġġenerata ta’ kuljum fl-Universita’ permezz tax-xemx u r-riħ. Saret ukoll dimostrazzjoni ta’ karozza li taħdem bl-elettriku li għaddejja mill-aħħar fażijiet ta’ testing qabel ma tiġi ppruvata fit-toroq Maltin. Matul iż-żjara kien spjegat ukoll li riżultati ta’ esperimenti li saru fuq magna diesel urew li l-effiċjenza tal-magna tibqa’ l-istess meta minflok diesel konvenzjonali jintuża l-biodiesel.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946