PROĠETT AMBIZZJUŻ TA’ RESTAWR TAL-KNISJA TA’ SARRIA
Huma diversi l-kappelli u l-postijiet storiċi li qed igawdu mill-ħidma tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Fost dawn insibu l-proġett ferm ambizzjuż tar-restawr tal-Knisja ta’ Sarria fil-Furjana. Din il-knisja dedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni hija meqjusa bħala monument importanti f’pajjiżna. Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit meta żar dawn ix-xogħlijiet.
Minflok il-knisja preżenti, kienet teżisti knisja iżghar, liema knisja kienet iffinanzjata minn Fra Martino Sarria de Navarro fl-1571. F’dan iż-żmien, il-belt Valletta kienet għadha kif bdiet tinbena waqt li l-fortifikazzjonijiet tal-Floriana ma kienux għadhom ippjanati. L-istruttura tal-lum, li kienet pjantata minn Mattia Preti, kienet bdiet tinbena f’Settembru ta’ l-1676.
Il-Ministru Ninu Zammit spjega li din il-Knisja hija xempju artistiku tal-wirt storiku li jgawdu minnu pajjiżna. Madankollu, llum il-Knisja ma tistax tiġi apprezzata fis-sbuħija totali tagħha daqs kemm kienet meta nbniet minn Preti. Fil-bidu tas-seklu dsatax, il-lanterna ta’ fuq il-koppla ġiet żarmata, u minħabba f’hekk l-estetika tal-Knisja tilfet mis-sbuħija oriġinali tagħha.
Il-Knisja fiha ħafna ħsarat, li jinkludu ċaqlieq strutturali, formazzjoni ta’ skorċa sewda u diversi forom ta’ tmermir tal-ġebla. Il-kwalita’ tal-ġebla li ntużat biex inbniet din il-Knisja waslet għal deterjorazzjoni kbira f’ċerti partijiet. L-iskorċa sewda li ffurmat fuq diversi partijiet ta’ l-istruttura, primarjament taħt il-gwarniċuni, hija kkawżata minn dħaħen tal-karozzi li jgħaddu minn ħdejn din il-Knisja.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura tenna li r-restawr ta’ din il-Knisja huwa ta’ sfida kbira u għalhekk qed jintużaw diversi metodoloġiji. Dawn ivarjaw minn bdil ta’ ġebel immermer għall-konsolidazzjoni ta’ ġebel immermer, billi jintuża trattament ta’ “consolidants” u ġir apposta.
Il-Ministru Ninu Zammit qal li għadu kif spiċċa xogħol ta’ restawr fuq il-kappella ta’ Ċwerra fis-Siġġiewi, filwaqt illi wasal fl-aħħar fażi x-xogħol ta’ restawr ta’ l-Akwadotti. Inbeda wkoll xogħol ta’ restawr fil-kappella ta’ San Ġakbu f’Ħal-Luqa. Fil-ġimgħat li ġejjin se jinbeda xogħol ta’ restawr mas-sur tal-Ġnien ta’ Hastings fil-belt Valletta. Aktar tard din is-sena ser tinbeda ħidma ta’ restawr tal-Kappella ddedikata lil Marija Madalena fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Dawn huma kollha xogħlijiet li twettqu u se jitwettqu minn ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946