Left arrow Mur Lura

FTS : IR-REGOLAMENTI QED JIĠU OSSERVATI

PR0307
Date Icon 01/03/2005

l-Bord tal-FTS diġa` kien ħa l-passi meħtieġa biex jiġi assigurat ħarsien tar-regolamenti finanzjarji (Public Service Procurement Regulations 1996) fil-ħidma ta’ bini u immodernizzar ta’ skejjel tal-Gvern imwettqa mill-FTS.  Infatti minn Ottubru 2003 ‘l hawn ix-xogħol tal-FTS twettaq kif jitolbu dawn ir-regolamenti.

Min naħa tiegħu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni ħa l-passi biex iwettaq ir-rakkomandazzjoni ta’ l-Awditur u ħatar Bord Intern fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni bl-iskop li jkun hemm aktar koordinament u superviżjoni tax-xogħol tal-FTS.  Il-Bord ser ikun magħmul mis-Sur Paul Attard bħala Chairman, mid-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni - Dr Cecilia Borg, u mid-Direttur għas-Servizzi Korporattivi fil-Ministeru  - s-Sur Charles Stafrace.

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr. Louis Galea l-bieraħ filgħaxija ngħata kopja mill-uffiċċju ta’ l-Speaker tal-Parlament tar-rapport ta’ l-Awditur Nazzjonali dwar il-ħidma tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, l-FTS.  Ir-rapport sar fuq talba ta’ l-Oppozizzjoni fis-17 ta’ Ottubru, 2002.  Fis-sentejn u nofs li ilu jaħdem fuq dan ir-rapport l-Awditur Nazzjonali kellu aċċess sħiħ għad-dokumenti kollha ta’ l-FTS kif ukoll il-kooperazzjoni sħiħa ta’ l-uffiċjali tagħha.  

Il-Ministru Galea jinnota li r-rapport jikkonferma dak li sew hu, kif ukoll il-Bord ta’ l-FTS kienu ikkonstataw pubblikament li fil-perjodu bejn l-2002 u l-2003, l-FTS ma kienetx qed tosserva r-regolamenti finanzjarji tal-Gvern fl-operat kollu tagħha.  Jidher biċ-ċar li dan seħħ biss bl-iskop li x-xogħol ta’ immodernizzar, maintenance u bini ta’ skejjel jitwettaq bl-aktar pass mgħaġġel speċjalment biex dawn ikunu dejjem lesti għal ftuħ tagħhom fil-bidu tas-sena skolastika.  Anke l-Awditur Nazzjonali ma sab l-ebda ħjiel ta’ korruzzjoni, frodi jew ksur tal-liġi kriminali fil-ħidma kbira li wettqet s’issa l-FTS fl-iskejjel tal-Gvern.

Il-Ministru Galea fakkar li hekk kif inġibdet l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti finanzjarji, huwa talab lill-Bord ta’ l-FTS ta’ dak iż-żmien biex jieħu l-passi meħtieġa.  Fil-fatt il-Bord ħa sensiela ta’ miżuri biex dan isir.  Fis-sajf ta’ l-2003 il-Bord talab l-awdituri tal-FTS biex jirraportaw dwar kemm kienu qed jiġu segwiti d-direttivi li ħareġ.  Meta rriżulta li xorta waħda baqa` jkun hemm nuqqas ta’ ħarsien tar-regolamenti finanzjarji, il-Bord ittermina l-kuntratt tax-xogħol taċ-Chief Executive. 

Il-Bord kompla jinsisti li kulħadd joqgħod għar-regolamenti u li l-osservanza sħiħa tagħhom kellha tirbaħ fuq it-tkomplija fil-ħin tax-xogħlijiet.  Infatti il-Ministru huwa assigurat li mill-1 ta’ Ottubru, 2003, sal-lum ix-xogħol kollu tal-FTS fl-iskejjel qed isir b’osservanza tar-regolamenti finanzjarji.

Barra minn hekk f’Awissu ta’ l-2003 l-FTS talbet lill-kumpannija ta’ awdituri Deloitte biex jagħmlu verifika esterna.  Deloitte issottomettew ir-rapport tagħhom, ‘Value for Money Review – May 2001 – July 2003’  fil-11 ta’ Diċembru, 2003.  Il-Bord tal-FTS innota l-kummenti pożittivi ta’ Deloitte u aġixxa fuq il-pariri għat-titjib fl-operat u l-kontabilita` ta’ l-FTS.

Il-Ministru Galea ma jistax ma jinnotax li fi kwazi sentejn u nofs ta’ stħarriġ, ħadd mill-Uffiċċju ta’ l-Awditur Nazzjonali ma ndenja ruħhu jitkellem la miegħu, la mas-Segretarju Permanenti, la mad-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni, la mad-Direttur tas-Servizzi Korporattivi fil-Ministeru, u lanqas mal-Bord tal-FTS,  biex jintalbu spjegi u fatti dwar l-operat tal-FTS.

Kieku dan sar, ir-rapport ma kienx ikun fih fatti żbaljati, ineżattezzi, u ġudizzji żbaljati. Filwaqt li mhux il-kaz li wieħed jidħol fihom f’dan l-istadju, għandu jissemma biss li hu żbaljat l-Awditur jirrimarka negattivament u jgħid: “FTS…in the fourteen (14) schools investigated, carried out extensive works through the use of direct orders to the amount of Lm 2 million” (p 18 tar-rapport). Fil-fatt il-biċċa kbira ta’ dan l-ammont kien dovut għal xogħlijiet li wettqu ħaddiema, kooperattivi, u kumpanniji tal-Gvern stess fejn il-pagi xorta waħda kienu ser joħorġu anke kieku ix-xogħol tal-FTS ma ġiex assenjat lilhom kif l-FTS kienet diretta li tagħmel mill-Ministeru tal-Finanzi.

Il-Ministru Galea sostna li r-rapport mhux bilanċjat u ġust għaliex filwaqt li ikkonferma dak li kien diġà magħruf u ammess sentejn u nofs ilu, meta l-Awditur beda l-istħarriġ tiegħu, naqas milli jsemmi l-passi kollha li ttieħdu, inkluż it-twettiq diġà ta’ ħafna minn dak li hemm fir-rakkomandazzjonijiet, bl-iskop li r-regolamenti amministrattivi finanzjarji jiġu osservati.  Filwaqt li r-rapport isemmi l-każijiet fejn ma kienx hemm osservanza tar-regolamenti, ma kellu lanqas kelma waħda pożittiva dwar il-ħidma li wettqu l-FTS u l-ħaddiema tagħha u tal-Gvern fi kwantita` ta’ skejjel li minnha gawdew eluf kbar ta’ tfal u żgħażagħ Maltin u Għawdxin. 

Il-Bord ta’ l-FTS ser jiltaqa` għada biex jeżamina f’aktar dettal ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-Awditur Nazzjonali.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow