Left arrow Go Back

FI TNAX IL-XAHAR IL-GVERN ĦADEM FUQ MADWAR 150 TRIQ RESIDENZJALI

PR0304
Date Icon 01/03/2005

Fl-aħħar tnax–il xahar il-Gvern iffinanzja l-bini ta’ 11.6 kilometri ta’ toroq f’żoni residenzjali madwar Malta, filwaqt li bħalissa hemm xogħlijiet għaddejjin fuq 8.3 kilometri ta’ toroq simili.  

Waqt żjara li għamel dal-għodu fil-Mellieħa, fejn bħalissa għaddej xogħol fuq ħames tenders għal xogħlijiet f’toroq residenzjali, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li l-Gvern qed jaħdem fuq it-toroq f’dan il-qasam b’mod intensiv biex jinqata’ l-backlog li hemm, fl-aqsar żmien possibbli.  

F’Ta’ Masrija, l-Mellieha,  għaddej xogħol fuq l-aħħar triq li għad fadal tinbena f’din iż-żona. Mis-sena 2000 ‘l hawn, il-Gvern investa fil-kostruzzjoni mill-qiegħ ta’ 13–il triq. Ix-xogħol kollu ġie jiswa’ mat-Lm300,000, b’madwar Lm150,000 minn dawn jintefqu fl-aħħar tnax–il xahar. Minbarra dan ix-xogħol f’Ta’ Masrija, il-Gvern wettaq ukoll xogħol ta’ kostruzzjoni fuq erba’ toroq oħra u embellishment ġenerali fid-daħla tal-Mellieħa.  

“It-toroq residenzjali huma t-toroq li l-aktar iħallu impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja tal-poplu.  

“Fil-bidu tas-sena li għaddiet it-toroq residenzjali li kienu għadhom iridu jinbnew kienu jlaħħqu l-599. Fit-tnax–il xahar li għaddew inbnew 36 triq direttamenet mill-Awtorità Dwar it-Trasport (ADT), 58 triq oħra saru mill-Kunsilli Lokali bi ftehim mal-ADT, filwaqt li preżentement hemm mas-60 tender oħra għal xogħlijiet li għadhom ma tlestewx. Dan ifisser li l-Gvern fl-aħħar sena mess mal-150 triq residenzjali u qata’ l-backlog bi kwart,” żied jgħid il-Ministru Mugliett.  

Hu qal: “Ir-rankatura li bdiet is-sena li għaddiet bi ħsiebna inżommuha għaddejj tant li fix-xhur li ġejjin, ser inkunu qed inħarsu mill-qrib lejn dan il-qasam biex inħejju programm ta’ xogħlijiet serju għal madwar 450 triq li jridu jinbnew għall-ewwel darba mill-Gvern.”  

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq Jesmond Mugliett qal li t-toroq residenzjali li jkollhom bżonn jinbnew mill-ġdid ta’ spiss ikunu biswit xulxin jew ikunu miġburin f’żoni. Dan jidher ċar f’Ta’ Masrija, fejn mis-sena 2000 ‘l hawn, il-Gvern bena xejn anqas minn 13–il triq.  

Hu kompla jgħid li “dan il-fatt għandna nużawh favurina biex inżidu l-effiċjenza u nnaqqsu l-ispejjeż. L-Awtorità dwar it-Trasport ser tibda tbiddel il-mod kif toħroġ it-tenders. Aktar milli joħroġ tender separat għal kull triq, id-Direttorat tan-Network Infrastructure ser jibda’ joħroġ tenders li jiġbru flimkien numru ta’ toroq li jinsabu f’żona partikolari. B’din il-miżura ser ikunu qed jitnaqqsu l-overheads u l-ispejjeż tal-mobiliżżazzjoni tal-kuntratturi fuq il-lant tax-xogħol.”  

Il-Ministru Mugliett irrefera wkoll għall-proġetti ta’ toroq li l-Gvern qed jippjana li jwettaq fuq it-toroq tat-TEN-T network fl-inħawi tal-Mellieħa. Dawn il-proġetti ser ikunu jistgħu jitwettqu b’finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu finanzjarju 2007 – 2013.  

“L-għan ewlieni tal-proġett tal-bypass proposta fil-Manikata hu propju li jitnaqqas konsiderevolment l-ammont ta’ traffiku li jkollu bżonn jitla’ lejn il-Mellieħa, speċjalment traffiku ta’ vetturi kbar u trakkijiet. M’hemmx dubju li proġetti bħal dawn ser ikollhom impatt dirett fuq il-poplu tal-Mellieħa,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow