TAĦRIĠ U APPOĠĠ GĦAL ĦADDIEMA FIS-SETTUR TURISTIKU
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tagħti taħriġ u appoġġ lil negozji u ħaddiema fis-settur turistiku ffokkat fuq stabbilimenti turistiċi żgħar minħabba li dawn għandhom riżorsi limitati ta’ taħriġ.
L-iskop ta’ l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hu li fis-settur turistiku jkun hemm ħaddiema mħarrġa tajjeb, kompetenti u kkwalifikati biex joffru s-servizz li jistennew lill-viżitaturi li jżuruna.
Għal din is-sena l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tieħu sensiela ta’ inizjattivi li jinkludu seminars u workshops; proġetti ta’ taħriġ iffinanzjati mill-UE; trainers ċertifikati biex itejjbu l-kwalità ta’ programmi ta’ taħriġ in-house u programmi ta’ E-learning.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tippubblika d-direttorju tat-taħriġ mogħti minn diversi entitajiet fit-taħriġ biex tippromwovi żvilupp professjonali kontinwu fl-industrija tat-turiżmu. Permezz ta’ din is-sħubija bejn il-pubbliku u l-privat (public-private partnership) se jsiru serje ta’ programmi ta’ taħriġ qosra u intensivi fl-oqsma tal-leadership u management, immaniġġjar tan-nies, snajja’ fil-komunikazzjoni u customer care, marketing u sales, technical and operations management, taħriġ fil-lingwi, saħħa u sigurtà kif ukoll tagħrif dwar il-prodott. Dawn il-programmi, li qed ikunu organizzati wara riċerka u linji ta’ gwida mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jimmiraw speċifikament lejn ħaddiema maniġerjali, supervizzjonali u operazzjonali fil-qasam turistiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda d-Direttorju ta’ Programmi marbuta ma’ l-iżvilupp professjonali fis-settur turistiku. Hu qal li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea fetħitilna l-bieb biex inkattru t-taħriġ tal-ħaddiema Maltin fis-settur turistiku. Dan it-taħriġ għandu jgħin biex noffru prodott aħjar lill-viżitaturi li jżuruna. “Malta llum m’għadiex tikkompeti aktar bħala destinazzjoni turistika iżda bħala esperjenza, fejn dawk li jżuruna jingħataw dak li f’pajjiżi oħra ma jsibux. Din il-bidla fl-istrateġija tfisser li aktar minn qatt qabel irridu nagħtu l-aħjar servizz marbut ma’ valur għal flus li jonfoq fostna t-turist,” qal il-Ministru Francis Zammit Dimech li feraħ lit-Taqsima għat-Taħriġ u Żvilupp fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għall-ħidma tagħhom li qed twassal biex dejjem numru akbar ta’ ħaddiema fis-settur turkistiku jkollu taħriġ kontinwu.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li l-uniku riżors li għandu pajjiżna kien dak uman u li biex minn dan ir-riżors nieħdu l-aħjar irid ikollna programmi ta’ taħriġ fil-qasam tat-turiżmu li qed joffru diversi entitajiet privati, apparti dejjem mit-taħriġ mill-aktar preferenzjali provdut mill-Istitut ta’ Studji Turistiċi (ITS) li joffri korsijiet fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti marbuta ma’ l-industrja tat-turiżmu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946