Left arrow Mur Lura

IL-GVERN SE JIBQA ’ JAGĦMEL DAK KOLLU MITLUB MINNU GĦALL-ĦARSIEN TAS-SAĦĦA PUBBLIKA

PR0297
Date Icon 28/02/2005

B’riferenza għall-istqarrija maħruġa s-Sibt mill-Alternattiva Demokratika, irid jingħad li huwa fatt mill-aktar stramb kif l-Alternattiva Demokratika tgħid li l-Gvern għandu xi interess jaħbi xi informazzjoni mill-poplu u fl-istess waqt takkuża lill-Gvern li qed jonfoq flus żejda f’monitoraġġ li hu saħansitra aktar minn dak mitlub mill-Unjoni Ewropea.  

Bħal ma ntqal fil-pubblikazzjoni tar-rapport Scott Wilson, irid għal darb’oħra jkun imtenni li l-Gvern la qatt qal li fil-miżbliet ma jeżistux problemi u wisq anqas ipprova jaħbi xi fatti.  Li ma tgħidx l-Alternattiva hu li kien il-Gvern stess li fl-2002 ikkummissjona r-rapport Scott Wilson biex propju jkollu ritratt fattwali ta’ dak li hemm fil-miżbliet u l-impatt li dan jista’ jikkawża fuq il-madwar.  Fuq kollox ir-rapport mhux biss jelenka l-problemi, imma jirrakkomanda wkoll soluzzjonijiet biex dan l-impatt ikompli jitnaqqas jew saħansitra jixxejjen.  

Ghal darb’ohra l-Alternattiva terġa’ tagħżel li tinjora għal kollox in-nefqa ta’ €8.4 miljuni li l-Gvern qed jalloka għar-riabilitazzjoni tal-miżbliet.  Mhux biss, imma l-AD saħansitra tikkritika lill-Gvern għaliex għażel li jmur għal monitoraġġ aktar frekwenti u ma joqgħodx biss fuq ir-rakkomandazzjonijiet minimi ta’ l-Unjoni Ewropea.   

Ir-rapport Scott Wilson, kif kien mistenni, jitkellem dwar it-tniġġiż li hemm fil-miżbliet u l-effett ta’ dan fil-madwar iżda jikkonkludi b’mod ċar li l-livelli ta’ tniġġiż mhumiex tali li joħolqu allarm pubbliku.  Hu għalhekk inġust li l-AD takkuża lill-Gvern b’ħabi meta l-Gvern mhux biss ippublika r-rapport kollu, iżda saħansitra qabbad ukoll espert mill-Malta Standards Authority biex jeżamina r-rapport u jgħid jekk jaqbilx mal-konklużjonijiet ta’ l-istess rapport.  

L-akkużi ta’ ħabi mill-Alternattiva Demokratika huma aktar u aktar infondati meta tqis li verżjoni mqassra tar-rapport ta’ aktar minn 200 paġna tpoġġiet ukoll fuq il-website tal-Ministeru u ngħatat ukoll il-faċilita’ li kull min irid jista’ jressaq il-kummenti tiegħu permezz ta’ l-istess website jew permezz tal-Kunsilli Lokali.  Barra minnhekk, dakinhar stess li fih kien ippublikat ir-rapport sħiħ ta’ Scott Wilson, dan seta’ wkoll jinġabar mill-uffiċċji tal-WasteServ. 

Huwa nġust li l-AD tgħid li l-Gvern qed jipprova jaħbi r-rapport għax ir-rapport kollu stampat qed jinbiegħ bil-prezz li effettivament jiġi jiswa lill-WasteServ.  Li ma ssemmix l-AD hu li r-rapport sħiħ f’verżjoni elettronika qed jingħata b’xejn lil kull min jistaqsi għalih.  Barra minn hekk, ir-rapport kollu stampat ngħata b’xejn ukoll lill-għaqda tar-residenti tal-Magħtab.

Huwa fatt deplorevoli li l-Alternattiva Demokratika mill-ġdid qed tirrepeti dikjarazzjonijiet li jistgħu joħolqu allarm minkejja wkoll li l-bieraħ stess il-WasteServ wieġbet b’mod car l-aspetti kollha li ssemmew mill-AD.  Madanakollu, għal darb’ohra, l-Alternattiva Demokratika ma tagħmel ebda distinzjoni bejn is-sejbiet mill-kampjuni li saru mill-miżbla nnifisha u l-kampjuni l-oħra li ttieħdu miż-żoni ta’ madwar il-miżbla.  Huwa ovvju li l-livelli fil-kampjuni li ttieħdu mill-miżbla se juri livelli ferm aktar ogħla minn kampjuni oħra li ttieħdu mill-madwar.  Fil-każ tad-diossina fuq l-uċuħ tar-raba’ fiż-żoni immedjatament viċin il-miżbla, għandu jerġa’ jingħad għal darb’ohra li huwa assigurat li dawn xorta huma f’livelli aċċettabbli għal art agrikola skond l-istandards ta’ l-Unjoni Ewropea.

Jekk l-AD trid li tittiehed bis-serjeta’ għar-rigward tar-riżultati dwar il-likwidu li johħoġ mill-iskart (leachate), l-AD għandha tikkwota r-riżultati tal-boreholes li saru barra mill-miżbla tal-Magħtab u mhux il-fwar li jirriżulta mill-ħruq ta’ l-iskart.  L-arseniku ma nstab fl-ebda borehole barra s-sit tal-miżbla tal-Magħtab u nstab biss f’konċentrazzjoni għolja f’sit wieħed fil-qalba tal-miżbla.  Il-livelli l-ohħa ta’ heavy metals u kontaminazzjoni oħra li nstabu fil-boreholes huma fil-livelli aċċettabli mill-Unjoni Ewropea għall-ilma tax-xorb.

Wasal iż-żmien li l-AD tittratta l-ambjent u s-saħħa pubblika bħala suġġett ta’ interess nazzjonali lil hemm minn kull opportuniżmu politiku.  L-AD għandha jkollha l-kuraġġ politiku li tfaħħar l-impenn tal-Gvern favur l-ambjent u mhux tipprova tieħu gwadann politiku billi tiżra’ l-biża fost il-poplu Malti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow