NIBDLU R-RESTAWR F’ESPERJENZA GĦALL-MALTIN U T-TURISTI
Waqt l-inawgurazzjoni mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi tal-proġett tar-restawr Domus Romano, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-ftuħ mill-ġdid tad-Domus Romano wara snin ta’ restawr ifakkarna kemm dan it-tip ta’ xogħol hu delikat u jieħu żmien biex jitwettaq, biss darba jsir il-proġett restawrat jitwieled mill-ġdid, daqs li kieku skoprejnieħ għall-ewwel darba. Hu qal li l-qawl Ingliż Rome was not built in a day żgur nistgħu napplikawh ghas-settur tar-restawr … u f’dan il-każ għad-Dar Rumana.
Francis Zammit Dimech qal li pajjiżna hu art l-istorja. “Kulfejn tmiss hu storja. Kulfejn tmur hu storja. Għalhekk nemmnu li min irid iduq l-istorja ta’ 7000 sena ta’ bniedem fuq id-dinja jista’ jagħmel dan fi ftit jiem f’pajjiżna li hu mgħoni bi storja millenarja li tisboq dik ta’ kull pajjiż ieħor,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li “illum qed ninawguraw mill-ġdid kumpless storiku li jmur lura għall-epoka Rumana iżda li jiġbor fih oqbra Islamiċi u fdalijiet Feniċi u Puniċi. Il-fdalijiet ta’ Dar Rumana, flimkien ma’ fdalijiet oħra Rumani li ltaqjna magħhom fl-Imdina waqt li konna qed inħaffru biex inqiegħdu s-servizzi taħt l-art, u hekk inneħħuhom minn mal-ħitan ta’ tant palazzi u bini antik, u l-katakombi li hawn fil-viċin jkomplu jikkonfermaw li f’dawn l-inħawi kien hawn preżenza qawwija Rumana. Id-Dar Rumana hi parti minn park kbir ta’ storja li qed noħolqu u li bir-restawr u r-riabilitazzjoni tal-Ġonna Howard se jgħaqqad l-Imdina ma’ din l-aktar parti antika u storika tar-Rabat. Dan il-proġett, li se jibda jitwettaq din is-sena hu stmat li se jiswa €700,000.”
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura tenna li diġà kien qal li biex ix-xogħol ta’ restawr jsir sewwa, skond is-sengħa u l-arti ma tistax tgħaġġel. Trid tieħu iż-żmien kollu meħtieġ. Hu qal li f’Tas-Silġ ilhom jiskavaw sa mill-1963, skavi u studji li wettqet u għadha twettaq f’Malta il-Missjoni Arkeoloġika Taljana. D’dan is-sit instabu fdalijiet ta’ diversi epoki ta’ l-istorja twila ta’ pajjiżna.
Minkejja li ilhom għaddejjin aktar minn 40 sena l-iskavi għadhom mhux mitmuma. Il-Ministru Zammit Dimech qal li biex l-Ipoġew ġie restawrat għall-istat li jinsab fih illum dam magħluq qrib id-disa’ snin. “Ikun hemm min jilmenta li dan ix-xogħol qed jieħu fit-tul iżżejjed. Ma tagħtiħx tort! Iżda fix-xogħol ta’ restawr ma tistax tgħaġġel għaliex trid taħdem b’serjetà, għaqal u ħafna paċenzja.”
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien wasal iż-żmien li r-restawr ta’ sit storiku nibdluh wkoll f’esperjenza għal dawk kollha li tinteressahom l-istorja. “Nemmen li wasal iż-żmien li sit li jkun qed jiġi skavat jew restawrat, meta possibbli, jinżamm miftuħ ħalli x-xogħol li jkun qed isir fih ikun ukoll apprezzat min dawk kollha li jħobbu l-istorja.”
“Fis-snin li ġejjin ser inkunu qed inwettqu ħidma kbira ta’ restawr u konservazzjoni tas-siti arkeoloġiċi fil-Ġgantija – Għawdex u f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra f’Malta. Nixtieq li Heritage Malta għandhom jimxu fuq din il-linja gwida li qed jingħataw mill-Gvern fis-sens illi waqt li jkun qed isir x-xogħol dawn is-siti jibqgħu miftuħin. Immaġinaw x’esperjenza tkun għal dawk li jkollhom l-possibilità jżuru dawn is-siti li jaraw ix-xogħol ta’ restawr jitwettaq quddiem għajnejhom,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Francis Zammit Dimech qal li xtaq jorbot din il-policy ma’ mira oħra li għandu dan il-Gvern, dik li lil Malta ma nibqgħux nippromwovuha biss bħala destinazzjoni turistika iżda aktar bħala esperjenza. Hu staqsa x’esperjenza hemm akbar għal dawk li jivvjaġġaw għas-settur tat-turiżmu kulturali minn dik li jsegwu l-evoluzzjoni ta’ proġett ta’ restawr f’sit li jmur lura eluf ta’ snin.
Il-Ministru Zammit Dimech irrefera wkoll għall-pjan tal-Gvern li fi żmien qasir iżid iċ-Ċentru għar-Restawr mar-responsabbiltajiet ta’ Heritage Malta. Dan għandu jgħin biex ikun aktar faċli li nagħmlu minn proġetti ta’ restawr parti mill-esperjenza li l-poplu Malti u min iżurna jkollu ta’ inizjattivi tal-Gvern f’dan il-qasam.
Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil kull min ħadem biex il-proġett tad-Domus Rumana sar rejaltà, b’mod partikolari lill-istess Heritage Malta, liċ-Ċentru Malti għar-Restawr li ħa ħsieb r-restawr tal-fdalijiet kollha Rumani li jinsabu f’din id-dar, u lill-ħaddiema tal-garaxx tal-Gvern fi ħdan it-Taqsima Xogħlijiet għax-xogħol eċċellenti ta’ l-injam u ħadid li wettqu bħala parti minn dan il-proġett biex inħolqu l-‘walkways’ madwar dan il-mużew. “Fl-aħħar, iżda żgur mhux lanqas,” kompla l-Ministru Zammit Dimech, “irrid nirringrazzja lill-Prim Ministru li qed juri l-istess impenn tiegħu personali u tal-Gvern li jmexxi billi l-lejla ngħaqad magħna biex jinawgura dan il-proġett ta’ restawr. Meta l-Prim Ministru qiegħed jagħti attenzjoni personali lejn l-oqsma tal-kultura u t-turiżmu li nistgħu niġġeneraw permezz tal-kultura, qiegħed jagħti lilna lkoll mhux biss aktar kuraġġ imma wkoll determinazzjoni dejjem akbar biex inwettqu l-ħidma kbira li kienet fdata lilna.”
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-bieraħ kellu l-opportunità jindirizza seminar dwar id-diġitalizzazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna organizzat mill-Patrimonju Malti f’kollaborazzjoni ma’ Acrosslimits bħala parti mill-MinervaPLUS Project. Hu fakkar li fid-diskors li għamel qal li fl-4 ta’ April 2001 f’Lund, fl-Isvezja ltaqgħu rappreżentanti u esperti mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea fejn ppubblikaw sett ta’ prinċipji dwar inizjattivi għal diġitalizzazzjoni pubblika. Fl-1965, 40 sena ilu, grupp ta’ studenti mill-Università ta’ Lund l-Isvezja vvoluntarjaw biex flimkien ma’ ħaddiema mill-Mużew Nazzjonali u tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettqu t-tieni kampanja ta’ skavar fid-Domus Rumana. Dawn kienu offrew li jqattgħu l-vaganzi tagħhom f’Malta jiskavaw id-Dar Rumana! “Il-lum 40 sena wara, iż-żewġ pajjiżi, l-Isvezja u Malta, jinstabu fl-Unjoni Ewropea f’ħidma flimkien biex nippromwovu aħjar il-wirt kulturali Ewropew,” temm il-Ministru Francis Zammit Dimech.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946