400 GENITUR U GHALLIEM JIDDISKUTU L-FUTUR TA’ L-EDUKAZZJONI – LISBONA 2010
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni flimkien ma’ l-Assoċjazzjoni Kunsilli Skolastiċi u l-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu, bl-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea qed jorganiżżaw seminar ta’ jumejn fin-New Dolmen Hotel il-Qawra u li għaliha qed jattendu aktar minn 400 ġenitur u għalliem biex jiddiskutu aspetti li jirrigwardaw l-edukazzjoni u l-miri ta’ pajjiżna u ta’ l-Unjoni Ewropea bħala parti mill-istrateġija ta’ Lisbona.
Diversi miri li joħorġu mill-istrateġija ta’ Lisbona jirrigwardaw l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja u dan biex l-ewropa tibni komunita' u ekonomija msejjsa fuq it-tagħlim u l-għerf, soċjeta’ dinamika u kompetittiva. Biex dan l-iskop jitlaħaq tpoġġew miri ambizzjużi li l-pajjiżi kollha ta’ l-UE iridu jaħdmu biex jilħqu sa l-2010. Fost il-miri hemm li 85% ta’ dawk li jkollhom 22 sena jkollhom livell ta’ edukazzjoni sekondarja ogħla, (livell post-sekondarju); li jonqos n-numru ta’ studenti li jħallu l-iskola qabel ma jagħlqu 18 il-sena; li 12.5% ta’ l-adulti jkunu qed jieħdu sehem f’xi programm ta’ tagħlim u taħrig; li ebda student ma jtemm il-kors ta' edukazzjoni obbligatorja mingħajr ma jkollu l-ħiliet bażiċi għax-xogħol u għall-ħajja; u li jiżdied in-numru ta' studenti partikolarment bniet u tfajliet li jsegwu korsijiet avvanzati fil-Matematika, fix-Xjenza u fit-Teknologija.
“L-objettivi ta’ l-Unjoni Ewropea għall-2010 huma l-objettivi ta' pajjiżna, bħalma huma tal-ħamsa u għoxrin stat membru. Hija sfida kontinwa għal kull min jaħdem fil-qasam tat-tagħlim u taħriġ, kemm matul is-snin li student jgħaddi f'istituzzjoni edukattiva, kif ukoll matul il-ħajja. U huma sfida wkoll għall-ġenituri li tagħhom hi l-ewwel responsabbilta’ ta’ l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tħejjija għall-ħajja ta’ wliedhom.” Hekk tenna l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea meta tkellem fil-ftuħ tal-konferenza.
Il-Ministru Galea semma diversi oqsma fejn fl-aħħar snin pajjiżna ra żvilupp qawwi fis-settur edukattiv. Fosthom semma il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni post-sekondarja fejn fl-aħħar għaxar snin kien hemm żieda ta’ 23% u żieda ta’ 13% fin-numru ta’ persuni li sa l-eta’ ta’ 19-il sena ikunu għadhom fl-edukazzjoni. Fl-aħħar għaxar snin żdiedu wkoll in-numru ta’ studenti li qed jattendu istituzzjonijiet post-sekondarji ġenerali – żieda ta’ 1600 student – u fl-istituzzjonijiet vokazzjonali – żieda ta’ 2,720 student. L-ammont ta’ studenti li jattendu fil-livell terzjarju żdied b’2500 student biex illum hemm aktar minn 7000 student full-time. Louis Galea qal li anke fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja l-parteċipazzjoni żdiedet sostanzjalment tant li l-istatistika għall-2003 turi żieda ta’ 32% fuq is-sena ta qabel biex b’hekk aktar minn 15,000 persuna jkunu attendew xi kors ta’ tagħlim jew taħriġ.
“Il-figuri juru progress sostanzjali. B'danakollu, ma nistgħux inserrħu moħħna. Il-pajjiż jeħtieġ li jkompli jieħu aktar inizjattivi biex jikkompeti mal-pajjiżi l-aktar avvanzati u, wisq aktar, biex jintlaħqu l-objettivi li bħala parti mill-Unjoni Ewropea poġġejna għas-sena 2010.” tenna Louis Galea. Hu semma d-diversi iniżjattivi li qed jittieħdu mill-awtoritajiet edukattivi u mill-istituzzjonijiet biex jingħata appoġġ biex kemm jista jkun ħadd ma jaqa’ lura. “Irridu nkomplu naraw li l-istudenti li joħorġu mill-iskola jkollhom it-tagħlim u l-ħiliet bażiċi kollha biex ikunu kapaċi jkomplu jitgħallem matul il-ħajja. Irridu nassikuraw li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jitħejjew sewwa għad-dinja tal-ġejjieni, għad-dinja tax-xogħol ta' għada u mhux għad-dinja tal-bieraħ. Biex ikunu kapaċi jgħaddu minn xogħol għal ieħor, jibdlu minn karriera għal oħra, aktar u aktar meta l-ħaddiema tal-ġejjieni se jkollhom jaħdmu għal aktar snin. Inkella se jkunu żvantaġġjati u jbatu, forsi wkoll isibu ruħhom emarġinati. L-aktar żgħażagħ li jsofru jkunu dawk mill-klassi l-aktar vulnerabbli. Qegħdin nagħtu attenzjoni partikulari lill-istudenti li jaqgħu lura u qegħdin naħdmu aktar ma’ l-istudenti żvantaġġjati.”
Il-Ministru Galea qal li l-Kurrikulu fetaħ orizzonti ġodda, b'policies moderni, b'miri speċifiċi li huma konformi ma' l-objettivi ta' l-Unjoni Ewropea għall-2010. “Diġa' twettaq ħafna mill-Kurrikulu, iżda l-kurrikulu huwa mixja 'l quddiem li ma tintemm qatt. Anzi kontinwament irridu nagħtuh ħajja ġdida biex nilħqu objettivi ogħla. Irrid nemfazizza li l-kurrikulu nazzjonali m'hux biss ta' l-għalliema fl-iskola iżda wkoll tal-ġenituri li għandhom ikunu jafuh, li għandhom jikkontribwixxu fid-dar fit-twettiq tiegħu.”
Louis Galea qal li jixtieq li l-genituri jersqu aktar lejn l-iskola u jikkollaboraw ma’ l-għalliema fl-implimentazzjoni tal-kurrikulu, fl-iżvilupp tal-viżjoni, il-missjoni u l-objettivi li trid tilħaq l-iskola, permezz ta’ kontinwazzjoni fix-xogħol li l-għalliema jagħtu lit-tfal biex iwettquh id-dar. Hu tenna li l-ġenituri, permezz tal-Kunsilli Skolastiċi jridu jagħtu kontribut aktar konkret fit-tmexxija ta’ l-iskola, fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet u inizjattivi li jagħtu lill-iskola l-ethos, il-karattru partikulari tagħha. Il-ġenituri u l-għalliema jridu jaħdmu dejjem id f’id u jagħtu appoġġ lil xulxin.
Il-Ministru sostna li l-iskejjel iridu jinfetħu wisq aktar għall-edukazzjoni u taħriġ ta’ adulti u ġenituri. Hu qal li l-iskejjel iridu jibqgħu miftuħa wara l-hin ta’ l-iskola, mhux neċessarjament taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-amministrazzjoni ta’ matul il-jum, l-iskejjel ta’ l-istat iridu jsiru Ċentri għall-Komunita’ billi joffru s-servizzi u l-faċilitajiet tagħhom mhux biss fil-qasam edukattiv iżda wkoll fil-qasam soċjali, kulturali u rikreattiv. “Irridu li l-Kunsilli Lokali jkunu nvoluti wisq aktar fl-edukazzjoni tal-komunita’ li jmexxu. Biex jiżirgħu u jkabbru l-għatx għat-tagħlim, edukazzjoni u taħriġ matul il-ħajja.” qal Louis Galea li tenna “Irridu naraw skejjel, permezz tal-Kunsilli Skolastiċi, li jieħdu huma stess l-inizjattiva flimkien mal-Kunsilli Lokali biex il-komunita’ lokali bil-mod il-mod issir komunita’ li titgħallem flimkien, tiżviluppa flimkien u timmatura flimkien. Il-libreriji, il-facilitajiet sportivi, il-laboratorji tal-kompjuters u tal-Home Ecnomics, fost mezzi oħrajn, ta’ l-iskejjel għandhom jintuzaw wisq aktar.”
Meta tkellem dwar l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għal pajjiżna hu qal li kulħadd, ġenituri, għalliema min iħaddem, għaqdiet tal-ħaddiema, l-Istat u aġenziji oħra volontarji jew kummerċjali iridu jagħtu sehmhom biex tkompli tiżviluppa l-kultura ta’ tagħlim tul il-ħajja. “Irridu naħdmu flimkien biex inżidu b’mod sostanzjali t-tagħlim u taħriġ tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Irridu niżviluppaw familji li jitgħallmu, komunitajiet li jitgħallmu, skejjel tal-komunita’ li jinsabu f’nofsha, fabbriki li jitgħallmu, soċjeta’ li titgħallem, biex l-ekonomija tkun bażata fuq it-tagħlim u l-ħiliet, biex tiffaċċja l-kompetizzjoni, biex tkun flessibbli għall-bidliet kontinwi tal-produzzjoni u tas-suq.”
Il-Ministru temm jgħid li s-suċċess miksub matul is-snin għandu jqawwilna qalbna biex naħdmu aktar. Il-ġenituri flimkien ma' l-għalliema jridu jkunu l-gwida għal uliedhom. Irridu naraw liema huma l-aktar oqsma ta' l-istudju u x-xogħol li l-aktar hemm ħtiega ghalihom u jħajjru lil uliedhom skond il-kapacitajiet u anke x-xewqa tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946