PROĠETT GĦALL-ĠID TA’ L-INDUSTRIJA TAT-TURIŻMU U R-RIŻORSI UMANI F’GĦAWDEX: INVESTIMENT TA’ €1.3MILJUN F’GĦAWDEX
Grazzi għall-fondi li l-Gvern akkwista mill-Unjoni Ewropea, f’Għawdex ser tinbena faċilità ta’ taħriġ professjonali għall-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu, ta’ l-ogħla kwalità. Dan se jkun possibbli permezz ta’ investiment ta’ madwar €1,300,000 għal din l-industrija f’Għawdex.
Dan qalitu dalgħodu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex meta żaret l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi (ITS) fil-Qala. Fil-mira tiegħu ta’ iktar turiżmu ta’ kwalità, Għawdex jeħtieġ li jkollu ħaddiema li joffru iktar servizzi ta’ kwalità. Il-Ministru Debono qalet li huwa ta’ unur għal Għawdex li, permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, issa ser ikollu faċilitajiet ta’ l-ogħla livell sabiex fihom jiġu mħarrġa ħaddiema b’mod iktar professjonali għal din l-industrija tant importanti.
L-ITS f’Għawdex beda jopera fl-1989. Fl-1990 il-korsijiet bdew jiġu offruti mill-faċilità preżenti, li qabel kienet skola sekondarja tal-bniet fil-Qala. Matul dawn l-aħħar snin, iċ-ċentru ntroduċa diversi korsijiet ġodda, inkluż korsijiet li jwasslu għal ċertifikazzjoni ta’ City & Guilds. Bħalissa, iċ-ċentru qiegħed joffri żewġ korsijiet part-time kif ukoll kors full-time, lil total ta’ 41 persuna.
L-industrija tat-turiżmu f’Għawdex identifikat il-ħtieġa li fil-gżira jkun hemm iktar ħaddiema kwalifikati li jiġu f’kuntatt dirett mat-turist. Dan il-proġett kien ġie propost mill-Ministeru għal Għawdex lill-imsieħba soċjali Għawdxin fil-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti f’Għawdex. Il-proġett ġie identifikat bħala wieħed mill-proġetti infrastrutturali għal Għawdex li jsiru permezz tal-Fondi Strutturali għal Malta għall-perijodu 2004-2006, permezz ta’ ko-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Il-proġett jinvolvi t-twaqqiegħ kompletament ta’ l-istruttura preżenti u l-bini mill-ġdid ta’ faċilitajiet ta’ taħriġ li jutilizzaw aħjar l-ispazju disponibbli, u allura fl-istess ħin, fl-istitut il-ġdid ikunu jistgħu jsiru iktar korsijiet u inizjattivi ġodda fuq livell prattiku. Dan sabiex dawk li jattendu l-korsijiet hawnhekk ikunu jistgħu jitħarrġu f’firxa wiesa ta’ ħiliet u jkollhom l-għodda meħtieġa sabiex jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu.
Il-proġett se jinkludi l-bini ta’ restaurant, bar, kċina prinċipali u kċejjen għat-taħriġ, reception area, klassijiet, laundry u faċilitajiet għall-housekeeping.
Permezz ta’ dan il-proġett il-ħaddiem Għawdxi f’din l-industrija kif ukoll studenti li jixtiequ jieħdu karriera fl-industrija tat-turiżmu ser ikollhom iktar opportunitajiet ta’ taħriġ kif ukoll għażla iktar wiesa’ ta’ korsijiet xi jsegwu.
Is-sejħa għall-offerti għall-immaniġġjar tal-proġett bħalissa tinsab miftuħa u tagħlaq fit-22 ta’ Marzu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946