DELEGAZZJONI MILL-KUWAIT IŻŻUR SKEJJEL TA’ L-ISTAT
Bħala parti minn żjara li qed issir f’pajjiżna mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Edukazzjoni Ogħla tal-Kuwait E.T. Dott. Rashed Hamad Al-Hamad flimkien ma’ delegazzjoni ta’ uffiċjali għolja mill-istess pajjiż, id-delegazzjoni mill-Kuwait żaret l-iskola primarja Tumas Dingli ta’ Ħ’Attard u l-Junior Lyceum Carlo Diacono fiż-Żejtun. Fil-jiem li għaddew id-delegazzjoni kellha laqgħat mal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea, u saru żjarat fl-Università ta’ Malta u l-MCAST. Il-Ministru Al-Hamad għamel żjarat ta’ kortesija lill-Prim Ministru u lill-President ta’ Malta.
Waqt iż-żjarat li saru f’dawn il-jiem, id-delegazzjoni mill-Kuwait kellha l-opportunità tara l-faċilitajiet u r-riżorsi li għandu pajjiżna fil-qasam edukattiv bl-iskop li ż-żewġ pajjiżi ikunu jistgħu jikkollaboraw f’diversi oqsma kif ukoll joħolqu skemi ta’ skambju bejn iż-żewġ pajjiżi.
Fl-iskola primarja ta’ Ħ’Attard, id-delegazzjoni ġiet milqugħa mill-Kap ta’ l-Iskola, is-Sur Mario Testa, is-Sindku ta’ Ħ’Attard is-Sur Norbert Pace u l-Ministru Louis Galea. Id-delegazzjoni żaret il-klassijiet u l-faċilitajiet li hemm f’din l-iskola kif ukoll raw xogħlijiet ta’ l-istudenti li tħejjew għal wirja li hi esebita fl-istess skola u li tittratta aspetti differenti tal-Kuwait inkluż il-kultura, ġografija u tradizzjonijiet. Waqt attività li saret fis-sala ta’ l-iskola, l-istudenti Maltin taw ittra lill-Ministru Al-Hamad biex din tingħata lil studenti tamparhom fil-Kuwait, it-tfal spegaw ukoll permezz tad-drama kif il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi hu bħat-tajn li jgħaqqad il-ġebel flimkien biex nibnu d-djar tagħna.
Fil-Liċeo tal-bniet Carlo Diacono fiż-Żejtun id-delegazzjoni ntlaqet mill-Kap ta’ l-iSkola is-Sin. Maria Ciappara, il-Kunsill ta’ l-Iskola u s-Sur Joe Attard Sindku taż-Żejtun. Waqt attività li saret fis-sala ta’ l-iskola, studenti li qed jitgħallmu l-Għarbi fl-iskola, qraw siltiet u poeżiji bl-Għarbi kif ukoll ħejjew żifna tipika, waqt li l-istudenti tal-European Studies ħejjew preżentazzjoni awdjo-viżiva fejn għamlu paragun demografiku u kulturali bejn il-Kuwait u pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946