Left arrow Go Back

IL-GVERN HU IMPENJAT LI JKOMPLI JAGĦTI L-INFORMAZZJONI AMBJENTALI KOLLHA LILL-PUBBLIKU

PR0281
Date Icon 24/02/2005

Huwa kontradittorju kif l-Alternattiva Demokratika f’nifs wieħed tgħid li l-Gvern irid jaħbi dwar ir-rapport Scott Wilson u fl-istess nifs tikkwota ripetutament mill-istess rapport li sar pubbliku propju mill-Gvern.

L-akkużi ta’ ħabi (whitewash) mill-Alternattiva Demokratika huma aktar u aktar infondati meta tqis li verżjoni mqassra tar-rapport ta’ aktar minn 200 paġna tpoġġiet ukoll fuq il-website tal-Ministeru u ngħatat ukoll il-faċilita’ li kull min irid jista’ jressaq il-kummenti tiegħu permezz ta’ l-istess website.  Barra minnhekk, dakinhar stess li fih kien ippublikat ir-rapport sħiħ ta’ l-iScott Wilson, dan seta’ wkoll jinġabar mill-uffiċċji tal-WasteServ.  Dan jikkuntrasta bis-sħiħ ma’ dak li qed tgħid l-Alternattiva Demokratika li se tagħti aktar dettalji dwar dan ir-rapport fil-jiem li ġejjin. 

Minbarra hekk il-Gvern ġab lill-konsulent ta’ Scott Wilson meta ppublika r-rapport u għamel ukoll interpretazzjoni ta’ kif is-sejbiet tar-rapport kienu se jeffettwaw is-saħħa pubblika minn uffiċjal għoli mill-Malta Standards Authority li hu responsabbli mill-Kimika u s-Sigurta’ fl-Ikel.  Immedjatament wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, il-Ministru u uffiċjali mill-WasteServ iltaqgħu mal-Kunsilli Lokali l-aktar effetwati mill-miżbliet u ma’ Għaqdiet mhux Governattivi li jaħdmu fis-settur ta’ l-ambjent.

Huwa fatt deplorevoli li l-Alternattiva Demokratika qed tagħmel diversi dikjarazzjonijiet li jistgħu joħolqu allarm.  L-Alternattiva Demokratika ma tagħmel ebda distinzjoni bejn is-sejbiet mill-kampjuni li saru mill-miżbla nnifisha u l-kampjuni l-oħra li ttieħdu miż-żoni ta’ madwar il-miżbla.  Huwa ovvju li l-livelli fil-kampjuni li ttieħdu mill-miżbla se juri livelli ferm aktar ogħla minn kampjuni oħra li ttieħdu mill-madwar.  Fil-każ tad-diossina fuq l-uċuħ tar-raba’ fiż-żoni mmedjatament viċin il-miżbla, ghandu jerġa jingħad għal darb’ohra li huwa assigurat li dawn xorta huma f’livelli aċċettabbli għal art agrikola skond l-istandards ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa importanti li jkun imfakkar li l-ħamrija hija l-ewwel ħolqa fil-katina ta’ l-ikel.  B’hekk ir-riskju li d-diossina ssib ruħha fl-ikel f’livelli għoljin hija remota u taħt kontroll. 

Fir-rigward tal-kontaminazzjoni fl-ilma, jrid jingħad li miż-żona tal-Magħtab ma jinġibidx ilma għax-xorb u mkien fir-rapport ma nstabu livelli ta’ arseniku f’xi livelli li jistgħu joħolqu allarm.  B’hekk mhux korett li l-Alternattiva Demokratika tagħmel paragun ma’ l-istandards ta’ l-Unjoni Ewropea dwar ilma għax-xorb.

Minkejja li jingħad li l-ħaddiema li jaħdmu fil-miżbla huma esposti għal xi kundizzjonijiet ta’ allarm, imkien ma jingħad li b’riżultat ta’ l-istess Scott Wilson inħarġu linji gwidi għas-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema li jaħdmu f’dawn il-postijiet, liema regolamenti ddaħħlu fis-seħħ u qed ikunu mplimentati fis-siti tal-miżbliet.

Filwaqt li takkuża lill-Gvern b’ħabi dwar ir-rapport Scott Wilson, l-Alternattiva Demokratika konvenjentement ma ssemmi xejn dwar is-soluzzjonijiet li qed jipproponi l-Gvern biex jindirizza l-punti li tqajjmu fir-rapport Scott Wilson li se jiswew mat-€8.4 miljuni.

Il-Gvern qatt ma qal li m’hemmx problemi.  Li hu importanti hu li l-Gvern qed jieħu l-miżuri biex jindirizza u jsolvi dawn il-problemi.  Sa’ dalgħodu stess il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ħabbar li beda jitwaħħal apparat għall-monitoraġġ ta’ sustanzi fl-arja fil-miżbliet u li dan qed isir biex ikompli jikkumplimenta dak li kien qed isir fl-aħħar xhur.  Dan l-apparat ikejjel numru ta’ sustanzi tossiċi, inkluż il-methane, volatile organic compounds, benzene u heavy metals li ssemmew mill-Alternattiva.  L-analiżi ta’ dawn it-testijiet se jsiru b’mod indipendenti f’laboratorji kemm Maltin kif ukoll barranin.  Dan qed isir saħansitra qabel ma jingħata t-tender għar-riabilitazzjoni tal-miżbliet li mistenni jkun aġġudikat f’Settembru li ġej.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow