PREŻENTAZZJONI TA’ ALBUM TA’ IRA LOSCO
Ira Losco bdiet tkanta professjonalment ta’ 16 il-sena mal-band ‘Tiara’. Hi rebħet l-FIDOF award fil-festival internazzjonali tal-kanzunetta Maltija li kien il-premju għal aktar artist promettenti u għall-aħjar wirja fuq il-palk.
Fis-sena 2000 Ira ħadet sehem għall-ewwel darba fil-Festival Kanzunetta għall-Ewropa fejn ġiet is-sitt u s-seba’ b’żewġ kanzunetti. F’Ottubru 2000 Ira kellha l-parti ewlenija fil-musical oriġinali Malti ‘Rita’, l-istorja ta’ Santa Rita ta’ Cascia. Ira daħlet għall-Kanzunetta għall-Ewropa 2001 b’erba’ kanzunetti u ġiet it-tieni, r-raba’, id-disa’ u l-ħdax minn 16-il kanzunetta li kienu qed jikkompetu. Rebħet it-tieni u t-tielet post bis-sistema tat-televoting. Fl-2002 Ira ħadet sehem fil-Eurovision Song u ġiet fit-tieni post bil-kanzunetta “7th Wonder”.
F’Awissu 2001 ħadet l-ewwel u tielet post fil-Festival Indipendenza. Ira hi wkoll ir-rebbieħa ta’ l-award tal-“Best female Singer” fil-“Malta Music Awards 2001”.
Ira Losco ppreżentat kopja ta’ remix album intitolat “Blends & Remixes of ‘Someone Else’” lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech. Francis Zammit Dimech qal li Ira Losco għamlet unur lil Malta kollha bil-kanzunetti tagħha u bil-parteċipazzjoni tagħha f’festivals internazzjonali. “Il-kanzunetta Maltija hi parti importanti mill-kultura tagħna u tkompli tiddistingwina bħala nazzjon. Il-kanzunetta Maltija kellha wkoll it-trijonfi tagħha u kull meta ttrijonfat il-kanzunetta Maltija rebaħ il-pajjiż ukoll,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lil Ira Losco li dejjem kienet ambaxxatur denju ta’ pajjiżna u li dejjem għamlitna kburin bil-preżentazzjonijiet tagħha.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946