INIZJATTIVI FAVUR PERSUNI BI ĦTIĠIET SPEĊJALI
Fil-Berġa ta’ l-Italja fil-jiem tal-karnival ittellgħet wirja ta’ karrijiet f’minjatura għal tfal li joqgħodu l-Belt u persuni li jattendu ċ-ċentri tar-riżorsi, dawk li jattendu l-Fondazzjoni Eden , Dar il-Providenza u l-Isptar Monte Carmeli. Il-wirja ġiet organizzata mill-Kunsill Lokali tal-belt Valletta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Folklor.
Bħala parti mill-attivitajiet tal-Karnival saru kompetizzjonijiet tal-kostum f’Misraħ il-Ħelsien, Valletta , nhar it-Tnejn 7 ta’ Frar. Dawn kienu maqsuma f’ħames sezzjonijiet filwaqt li ngħata wkoll premju għall-aħjar kostum.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qassam il-premjijiet lir-rebbieħa, sew tal-wirja kif ukoll tal-kostumi. Hu rringrazzja lill-Kummissjoni Nazzjonali Folklor fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fil-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura kif ukoll lil dawk kollha li pparteċipaw f’dawn il-kompetizzjonijiet biex hekk il-Karnival seta’ jkun is-suċċess li kien.
“Il-Karnival ta’ din is-sena kien suċċess sew għaliex kellna livell għoli ta’ karrijiet trijionfali, maskri grotteski u kostumi u anke għaliex il-parteċipazzjoni tal-pubbliku kienet waħda kbira. Il-karnival kien ukoll suċċess għaliex kompla nfirex barra l-belt Valletta f’lokalitajiet oħra u anke għaliex kellna inizjattivi ġodda bħal wirjiet li saru nkluża dik tal-Berga ta’ l-Italja,” qal il-Ministru Francis Zammit Dimech.
Francis Zammit Dimech qal li l-inizjattiva li ttieħdet mill-Kunsill Lokali tal-belt Valletta flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali Folklor hi waħda ta’ min jinkorraġiha għaliex fiha rajna parteċipazzjoni ta’ tfal ta’ bejn il-10 u 16 il-sena li joqgħodu l-Belt u persuni bi ħtiġiet speċjali li tawna esibizzjoni mill-isbaħ ta’ tpinġijiet, maskri u karrijiet żgħar kif ukoll ta’ żfin.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura awgura li attivitajiet bħal dawn ikomplu jiġu organizzati biex hekk kulħadd ikollu sehem mill-ferħ li jġib miegħu l-Karnival.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946