Left arrow Mur Lura

ĦIDMA B’RISQ IL-KULTURA, IL-MANIFATTURA U L-KUMMERĊ

PR0268
Date Icon 23/02/2005

Is-Soċjetà ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ twaqqfet fl-1852. Matul aktar minn 150 sena li ilha mwaqqfa s-Soċjetà organizzat kompetizzjonijiet, wirjiet, ipparteċipat f’wirjiet barra l-pajjiż u tat midalji. Ħafna artisti u artiġġjani Maltin kienu mgħejjuna mis-Soċjetà biex isiefru ħalli jissuktaw u jtemmu l-istudji akkademiċi u artistiċi tagħhom.  

Il-mission statement tas-Soċjetà jinġabar fi ftit kliem: biex tissaħħaħ l-impriża, tkabbar ix-xjenza, tirrafina l-arti, ittejjeb il-manifattura ta’ pajjiżna u jestendi l-kummerċ. Il-miri ewlenin huma li  

i.          Tippromwovi l-manifattura u ssib il-mezzi li permezz tagħhom artisti u artiġġjani jkunu jistgħu jippromwovu x-xogħlijiet tagħhom f’Malta u barra l-pajjiż;

ii.         Tipprovdi tagħlim lil dawk li huma nklinati u motivati lejn studji artistiċi, tekniċi, edukattivi u kulturali;

iii.        Torganizza wirjiet u konferenzi, toħroġ pubblikazzjonijiet, toffri suġġerimenti u pariri kompetenti lil dawk kollha li jkunu jeħtieġu inkorraġiment u tagħti ċertifikati, diplomi u midalji lill- organizzazzjonijiet, artisti u artiġġjani li jkun jixirqilhom dan ir-rikonoxximent.  

Is-Soċjetà taħdem minn Palazzo De La Salle f’219 Triq ir-Repubblika, Valletta , li għadda f’idejha f’Ġunju 1923.  

Is-Soċjetà hi organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt u għalhekk id-dħul tagħha jiġi minn servizzi li toffri. Jiġi wkoll minn sussidju annwali li jgħaddilha l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech żar Palazzo de la Salle fejn iltaqa’ mal-President tas-Soċjetà Paul Axiaq, uffiċjali u membri tal-Kunsill, Direttur u impjegati. Hu ġie ppreżentat b’kopja ta’ pubbikazzjoni li s-Soċjetà ppubblikat biex tfakkar il-150 anniversarju mit-twaqqif tagħha.  

Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-President u lill-uffiċjali l-oħrajn kollha tas-Soċjetà għall-ħidma tagħhom. “Tul is-snin is-Soċjetà ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ ħadet diversi inizjattivi. Kienet l-ewwel li waqqfet skola tal-bizzilla, kienet il-pijuniera ta’ l-iskemi ta’ l-apprendistat u l-edukazzjoni teknika, kienet hi li organizzat klassijiet ta’ l-arti, artiġġjanat u mużika għall-adulti u kienet hi li rrappreżentat f’Malta l-London College for Music of Thames Valley University (London) għal kważi 80 sena b’Palazzo De La Salle bħala ċ-Ċentru Malti ta’ dawn l-eżamijiet,” qal il-Ministru Zammit Dimech, li ħeġġeġ lil din is-Soċjetà tkompli tieħu inizjattiva ħalli hi ukoll tagħti sehemha fil-ħidma li qed titwettaq bħalissa biex inkomplu nirristrutturaw l-ekonomija ta’ pajjiżna.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-ħidma li twettaq din is-Soċjetà ġiet rikonoxxuta mill-Gvern li elenkaha bħala Entità Governattiva fl-Ewwel Skeda ta’ l-Att V tal-2002, li kien approvat mill-Paralment fis-26 ta’ April 2002 u kull sena jagħtiha sussidju. Hu qal li organizzazzjonijiet bħal din huma ta’ ispirazzjoni għal min irid jikkontribwixxi għall-iżvilupp artistiku u l-iżvilupp tal-manifattura u l-kummerċ f’pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow