ID-DISTRIBUZZJONI TAL-GASS
Fl-intervent li għamel fuq Radio 101, il-Ministru Austin Gatt qatt ma qal illi l-problema riċenti tal-produzzjoni tal-gass hi tort tad-distributuri, iżda qal biss li fir-riforma li jenħtieġ ikun hemm fis-sistema kollha mill-produzzjoni sat-tqassim, irid jiġi eżaminat ukoll il-metodu ta’ distribuzzjoni li jrid isir aktar effiċjenti milli hu llum biex il-konsumatur jinqeda aktar faċilment u malajr.
Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Austin Gatt kien ċar u qal li hemm numru ta' fatturi li qegħdin jaffetwaw hażin l-operazzjoni tal-gass f'pajjiżna. Fil-fatt hu elenka numru ta' dawn il-fatturi u s-sistema tad-distribuzzjoni hekk kif imħaddma mill-membri tal-GRTU kienet waħda minnhom. Żgur li ma jkunx kredibbli min jgħid li din is-sistema hija waħda perfetta u mingħajr xkiel għall-konsumatur. Żgur li kull konsumatur għandu esperjenzi oħrajn fejn it-talba għal prodotti goffi titħaddem b'mod aktar effettiv u effiċjenti minn kif inhi mħaddma s-sistema tad-distribuzzjoni tal-gass illum.
Il-Ministru fl-ebda ħin ma semma li l-prinċipju tat-tqassim fid-djar m'huwiex tajjeb, iżda l-mod kif jinqeda l-klijent illum iħalli lok għal ħafna titjib. Kien f'dan il-kuntest li l-Ministru semma l-monopolju mplikat fis-sistema preżenti u li wasal iż-żmien biex wieħed jeżamina jekk għandux jibqa’ l-monopolju jew għall-anqas għadux jiġi aġġustat il-livell ta’ servizz ta’ distribuzzjoni.
Fl-aħħar ta’ din is-sena l-produzzjoni tal-gass sejra tiġi liberalizzata u kull persuna jew ditta sejra tkun tista’ timporta u/jew tipproduċi l-gass. Hu wkoll fl-interess ta’ l-istess distributuri li jibdew jaħsbu f’dan ix-xenarju ġdid.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946