L-ONOR. LEO BRINCAT JAĦSEB LI BILLI JUŻA L-KELMA ‘ALLEGAT’ JISTA’ JITFA T-TAJN KEMM IRID
Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jinnota li ghal darb’ oħra il-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor Leo Brincat minflok li jagħżel illi imur fuq in-naħa ta’ l-istudenti u l-persuni b’diżabilta’ jagħżel li jmur fuq in-naħa tal-ftit kummerċjanti - mhux kollha - illi jridu jżommu l-prezzijiet tal-hardware għoljin. L-istqarrija ta’ l-Onor. Leo Brincat tirrijafferma li għal darb’ oħra l-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni wera kemm ma mhux infurmat fil-qasam tal-ICT.
Il-Gvern ħajjar u appoġġja inizjattivi tas-settur privat biex iqarreb it-teknoloġija lejn bwiet kulħadd biex il-prezz tat-teknoloġija ma jkunx barriera għall-użu tagħhom fis-soċjetà Maltija kollha. L-inizjattiva ta’ l-HP seħħet mingħajr sussidji ta’ forma jew oħra u mingħajr xi ffissar ta’ prezzijiet. L-istess, bħal ma kellu xejn illegali l-appoġġ li l-Ministru Gatt u issa l-Onor. Leo Brincat stess taw lill-inizjattivi purament kummerċjali t’ A to Z Electronics permezz tal-kumpanija Taljana Olidata.
Kif għamel fi stqarrijiet oħra, l-Onor. Leo Brincat rega’ kkontraddixxa lilu nnifsu f’din l-istqarrija. Filwaqt li jipprova jaqbad ma’ illużjonijiet legali biex iwaqqaf lill-HP u lill-Olidata iwaqqfu l-inizjattivi tagħhom jgħid ukoll li “jilqa’ kull inizjattiva li tista’ tiffavorixxi lill-konsumatur Malti u Ghawdxi”. Dan huwa sintomatiku ta’ l-indeċiżjoni politika tal-Partit ta’ l-Oppożizzjoni meta jipprova jipproġetta lilu nnifsu bhala Gvern alternattiv.
Intant fi żvilupp relatat, il-Ġimgħa l-viċi president tal-GRTU, f’laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv għall-Soċjeta’ ta’ l-Informazzjoni (NISCO) talab lill-Gvern biex jkompli bil-politika tiegħu li jagħmel pressjoni fuq l-operaturi kummerċjali Maltin biex inaqqas il-prezzijiet tat-teleworking u l-broadband u stqarr li din hi politika tajba.
Fl-istess ħin il-kelliem tal-GRTU talab illi l-Gvern ma’ jadottax l-istess politika biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-hardware. Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jirrijafferma illi i-politika nazzjonali approvata minn NISCO, li jinkludi kemm lill-GRTU u lill-Partit ta’ l-Oppożizzjoni, tistqarr illi l-Gvern għandu jiżgura illi biex tikber l-aċċessibilità l-Gvern għandu juża l-pressjoni kollha neċessarja biex jonqsu l-prezzijiet kemm fil-hardware, kemm fis-software kif ukoll fil-konnettività.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946