Left arrow Mur Lura

ARTI FIL-KOMUNITÀ

PR0253
Date Icon 21/02/2005

Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni bi sħab ma’ l-iSkola ta’ l-Arti qed iniedi proġett pilota ta’ Arti fil-Komunità bl-iskop li jkattar l-esperjenza kreattiva fost il-komunità f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.  F’dan l-ewwel proġett sperimentali studenti mill-iskola ta’ l-Arti ggwidati mill-artist u għalliem ta’ l-arti Anton Grech marru fil-lokalita’ ta’ l-Imqabba u fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jagħmlu diversi workshops bl-involviment tal-komunità ta’ l-Imqabba.

Meta tkellem dwar dan il-proġett Anton Grech qal li l-Imqabba toffri xenarju u sitwazzjonijiet partikolarment assoċjati mal-ġebla Maltija u l-industrija tal-barrieri li jispiraw l-immaġinazzjoni u l-kreattività.  Hu qal li ħafna jaraw biss il-prodott lest mill-barrieri jiġifieri l-knaten iżda ftit ikunu qatt esperjenzaw is-sens ta’ kobor u spazju li hemm fil-barrieri kif ukoll l-ispirazzjoni li din iġġib magħha.  Aspett ieħor marbut mal-ġebla Maltija hi l-validità tagħha bħala materjal għall-iskultura.  Anton Grech qal li l-Imqabba hi magħrufa li tat lil-arkitettura Maltija l-iprem kwalità ta’ ġebla u għalhekk hi marbuta ma’ l-istorja u l-wirt kulturali ta’ pajjiżna.  Hu qal li l-post fejn qed isir l-ewwel workshop fl-Imqabba, dak li fost l-Imqabbin hu magħruf bħala l-Isptar l-Qadim, hu eżempju tajjeb ta’ dan il-wirt speċjalment issa wara r-restawr ta’ kwalità li sar f’dan il-post.  

Primarjament il-workshops se jkunu iffukati fuq is-saħħa tad-disinn u l-importanza tiegħu bħala proċess ta’ ħsieb u organizzazzjoni.  Meta l-individwu jesperjenza forma jew struttura, jittrasformaha fi ħsieb, u jikkomunikaha permezz tad-disinn din tista` tissejjaħ arti.  Parti importanti ta’ dawn il-workshops hi li l-istudenti joħorġu mill-istruttura tradizzjonali tal-klassi u l-iskola u jimirħu fil-lokalitajiet differenti li joffru l-gżejjer Maltin.  Fl-istess ħin permezz ta’ dawn il-workshops il-komunità ta’ l-Imqabba se tipparteċipa f’din l-esperjenza kreattiva u b’hekk tapprezza aktar is-sbuħija ta’ l-ambjent ta’ madwarhom inkluż il-barrieri li xi whud jqisu biss bħala sfreġju.  

Is-Sindku ta’ l-Imqabba, is-Sur Noel Galea qal li l-Kunsill ta’ l-Imqabba jilqa` din l-inizjattiva b’idejħ miftuħa primarjament għaliex tkompli tagħti opportunità lill-Imqabbin jiżviluppaw il-ħiliet kreattivi tagħhom. Is-Sur Galea qal li l-post mibni mill-kavallieri kien restawrat mill-istess kunsill fl-2003 bl-iskop li jintuża għal skopijiet kulturali u soċjali.  Hu awgura li dawn il-workshops iwasslu biex ikun hemm apprezzament akbar ta’ din il-lokalità u tal-potenzjal li dan ir-raħal u l-ambjent ta’ madwaru joffru. Noel Galea qal ukoll li bis-saħħa tal-Kunsilli l-Lokali l-Mqabba gawdit minn investiment sostanzjali f’toroq, bankini, servizzi u amenitajiet oħra.  Il-Kunsill Lokali fil-fatt laħaq ftehim ma’ diversi Ministeri tal-Gvern Ċentrali bl-iskop li jsiru xogħlijiet b’investiment ta’ flus li jiżbqu l-budget tal-Kunsill.  Infatti bil-ftehim mal-Ministri Ninu Zammit u Jesmond Mugliett qed jitwettqu proġetti ta’ ġonna, spazji rikrejattivi u toroq li se jgħollu l-valur u s-sbuħija ta’ diversi lokalitajiet fl-Imqabba.  Il-Ministru Louis Galea qed iwettaq proġett ta’ invetiment qawwi fl-iskola primarji ta’ l-Imqabba li se jgedded l-iskola u jagħtiha sala spazjuża u moderna għall-bżonnijiet tat-tfal u tal-komunità.     

Il-Ministru Louis Galea faħħar il-ħidma qawwija tal-kunsilliera ta’ l-Imqabba li lkoll urew impenn sħiħ biex jinġieb ’il quddiem il-ġid ta’ l-Imqabbin.  Huwa rringrazzja lis-Sindku Noel Galea li kien xprun importanti biex numru ta’ xogħlijiet u proġetti isiru mill-Gvern Ċentrali. Louis Galea sostna li l-Kunsilli għandhom jinvestu ħin u enerġija biex iqanqlu fil-komunità tagħhom il-ħiliet krejattivi u l-apprezzament ta’ dak kollu sabiħ permezz ta’ l-arti u l-kultura. Huwa qal li beħsiebu jieħu passi biex l-iskejjel ta’ l-arti, tad-drama u tal-mużika mhux biss jibdew jaħdmu aktar flimkien iżda jersqu aktar bl-istudenti tagħhom fil-komunitajiet ta’ Malta u Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow