AKTAR PROĠETTI KAPITALI BIEX TISSEBBAĦ IL-BELT VALLETTA
Il-Gvern huwa determinat li jkompli fl-impenn tiegħu li jsebbaħ il-Belt Valletta bi proġetti kapitali li jirriġeneraw żoni strateġiċi tagħha u jtejjbu l-ħajja tar-residenti u dawk li jżuruha għal xogħol, divertiment jew xiri.
F’indirizz lil dawk preżenti għat-tnedija tal-Valletta Alive Foundation, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li bħal issa għaddej xogħol fuq żewġ proġetti li ser iħallu impatt pożittiv fuq il-Belt Kapitali.
“Kemm il-proġett tal-Cruise Passenger Terminal, kif ukoll il-proġett tal-Park and Ride huma żewġ inizjattivi li ser jirriġeneraw il-Belt Valletta b’modi differenti.
“Fil-każ ta’ l-iżvilupp li qed isir fix-xatt tal-Belt, dan sejjer mhux biss itejjeb id-dehra ġenerali tal-binjiet storiċi li hemm fl-inħawi tax-xatt ta’ Pinto, iżda aktar importanti minn hekk, il-Cruise Passenger Terminal ser jirriġenera l-ekonomija tal-Belt Valletta kollha kemm hi. Intant, l-għan ewlieni tal-proġett tal-Park and Ride f’ Belt il-Ħażna hu li jnaqqas il-bżonn li karozzi jidħlu joħonqu l-Belt Valletta għal ħinijiet twal. Dan l-ewwel nett isebbaħ id-dehra ġenerali tat-toroq tal-Belt, jagħti ċ-ċans biex issir it-titjib meħtieġ tal-bankini iżda fuq kollox iżid l-opportunijiet għall-pedestrianisation u ftuħ ta’ spazji ġodda,” qal il-Ministru Mugliett.
Il-Valletta Alive Foundation, li tagħha huwa patrun il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, hija frott sena ta’ ħidma mill-Valletta Alive Initiative. Il-Fondazzjoni twaqqfet biex
| i) | tkabbar il-profil tal-Belt Valletta fost il-pubbliku bħala ċentru storiku, kulturali, soċjali,ekonomiku u kummerċjali |
| ii) | tixpruna aktar investiment mis-settur pubbliku u dak privat fil-Belt speċjalement fl-aspetti storiċi, kulturali, soċjali u ambjentali |
| iii) | tieħu inizjattivi biex jittejbu l-ispazji pubbliċi u binjiet fil-Belt u |
| iv) | iżżid l-apprezzament tal-pubbliku għall-arti u l-kultura. |
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal: “Jien ċert li il-Ministeru tiegħi u l-Valletta Alive Foundation ser ikunu qed jaħdmu mill-qrib ħafna hekk kif proġetti oħra li għandna ppjanati għall-Belt Valletta jibdew jieħdu l-forma.
Hu żied jgħid li l-Gvern bħal issa qed iħares lejn żewġ proġetti ġodda oħra li ser ikollhom impatt dirett fuq il-Belt Valletta. Hu rrefera għall-ħsieb tal-Gvern li jħejji brief ġdid għar-riġenerazzjoni tal-Forti Sant’ Iermu u l-inħawi tal-madwar u qal li bħal issa qed issir konsultazzjoni ma’ l-istakeholders.
Dwar il-proġett ta’ bini tal-Parlament Ġdid f’Bieb il-Belt, il-Ministru Mugliett qal wara li tħejja l-abbozz tal-feasibility study u l-ewwel diżinji għall-proġett, bħal issa qed issir ir-reviżjoni tal-feasibility study, tinstab soluzzjoni għall-problemi loġistiċi marbutin mal-proġett kif ukoll qed jiġi studjat kif jista’ jitqassam ix-xogħol fuq is-sit.
Il-Ministru Mugliett temm jgħid li l-Gvern fix-xhur li ġejjin ser ikun qed iħares lejn opportunitajiet għal proġetti ta’ riġenerazzjoni oħrajn sabiex ikun żgurat programm li verament iwassal biex il-Belt Valletta tieħu d-dinjità li jixirqilha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946