TISBIĦ TAL-ĠNIEN TA` HASTINGS ĠEWWA L-BELT VALLETTA
Tkompli s-sensiela ta’ proġetti tar-rijabilitazzjoni tal-ġonna u restawr fil-Belt Kapitali
Kif kien imħabbar fl-inawgurazzjoni tal-Barrakka ta’ Fuq, beda x-xogħol ta’ tisbiħ fil-Ġnien ta’ Hastings fil-Belt Valletta, ġnien li hu msemmi għall-Markiż Hastings li kien Gvernatur ta’ Malta bejn l-1824 u l-1826. Dan ix-xogħol qiegħed jitwettaq mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Waqt żjara li għamel fuq is-sit ta’ dan il-proġett, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Ninu Zammit qal li l-għan tal-proġett hu li dan il-ġnien importanti, li jinsab f’post uniku - fuq is-swar tal-belt - jingħata d-dehra li tixraqlu u jsir ġnien prominenti fil-belt kapitali, bħall-Barrakka ta’ Fuq, biex b’hekk jiġbed iktar Maltin u turisti. Għal dan l-għan, huma ppjanati diversi xogħlijiet li se jitwettqu kollha mill-ħaddiema tal-Gvern.
Il-kostruzzjoni tal-ħajt dekorattiv li jifred il-ġnien minn mat-triq se jitkompla. Is-siġar li hemm imħawwla fil-preżent mhux se jintmessu u għalhekk ingħata attenzjoni partikolari biex id-disinn tal-kostruzzjoni ta’ passaġġi ġodda jirrispettaw l-ambjent tal-ġnien. Il-livell tal-pavimentar madwar il-monument ukoll se jitranġa b’tali mod li jevita li jibqa’ jinġabar l-ilma u tingħata dehra isbaħ. Aspett interessanti hu dak ta’ kostruzzjoni ta’ żoni kbar f’kull parti tal-ġnien bl-għan li jintużaw għall-attivitajiet kulturali u rikreattivi.
Id-disinn tal-ġnien hu magħmul fuq stil Taljan, b’passaġġi li jwasslu fi pjazez żgħar, fosthom pjazza li tiftaħ fuq is-sur fejn ukoll ser isir xogħol ta’ tiswija fuq il-ħajt tan-naħa tal-ġnien tas-sur. Biex jikkumplimenta dan kollu se tinbena mill-ġdid il-gardjola, u se jkun hemm ukoll l-installazzjoni ta’ dawl dekorattiv, bankijiet ta’ l-injam, installazzjoni ta’ sistema ta’ drip irrigation mal-ġnien kollu, kif ukoll pavimentar ta’ bankini madwar il-ġnien bil-ġebla tal-franka.
Dan il-ġnien hu twil 325 metru. Il-pavimentar jikkonsisti f’area ta’ madwar 6000 metru kwadru, madwar 1,500 metru tul ta’ kurduna u passaġġi ta’ 1.2 kilometri tul.
Il-Perit Ninu Zammit temm isemmi l-proġetti l-oħra fil-belt kapitali li fuqhom qed isir xogħol estensiv, fosthom ir-restawr fil-kappella ta’ l-Italja fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, ir-restawr tal-Palazz, kif ukoll ix-xogħol li qed jitwettaq fis-sala ta’ Sant Iermu.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946