L-AĦĦAR PREPARAZZJONIJIET GĦALL-FESTIVAL KANZUNETTA MALTIJA GĦALL-EWROPA
Fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran għada, is-Sibt 19 ta’ Frar se tingħażel il-kanzunetta li fil-21 ta’ Mejju se tirrapreżenta lil Malta fil-50 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li se ssir fil-Palats Sportu fi Kiev, il-kapitali ta’ l-Ukrajina.
Sa mill-1971 Malta ħadet sehem fil-Festival Ewropew tal-Kanzunetta. Kien hemm xi snin li matulhom konna assenti minn din il-manifestazzjoni muzikali iżda mill-1991 ’l hawn ħadna sehem regolari u anke ksibna riżultati pożittivi importanti.
Il-Festival Kanzunetta Maltija għall-Ewropa daħal fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna u jattira mijiet ta’ Maltin li jaħtfu l-biljetti tad-dħul sa mill-ewwel jum tal-bookings. Din is-sena ma kenitx eċċezzjoni u biex aktar nies ikunu jistgħu jassisstu għal din il-manifestazzjoni il-lum il-Ġimgħa se jsir dress rehearsal li se jkun miftuħ għall-pubbliku bi ħlas.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech illum żar iċ-Ċentru tal-Konferenzi fejn segwa l-aħħar preparazzjonijiet li qed isiru għal dan il-Festival. Hu ddawwar mal-palk minn Grace Borg, Chairperson ta’ Maltasong u minn membri oħra tal-kumitat organizattiv.
Francis Zammit Dimech feraħ lil kulmin ta sehmu biex dan il-festival qed jiġi organizzat, lill-kumitat organizattiv, lit-22 finalist kif ukoll lil dawk kollha li kienu anke fil-preliminari. “Għall-ewwel darba fl-istorja tal-festival Kanzunetta Maltija għall-Ewropa r-rebbieħ se jintgħażel kompletament mill-pubbliku wara li iddeċidejna favur 100 fil-mija televoting,” qal il-Ministru Zammit Dimech li wera li hu kien kompletament favur din id-deċiżjoni għaliex kellu fiduċja sħiħa li l-pubbliku kien kapaċi jagħżel hu l-kanzunetta li għandha tirrapreżentana fil-Festival Ewropew tal-Kanzunetta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-festival kien okkażjoni unika mhux biss għal-liriċisti, kantanti u mużiċisti Maltin li f’okkażjoni bħal din joħorġu t-talenti tagħhom iżda wkoll għall-poplu Malti biex juri li minkejja ċ-ċokon tagħna kapaċi daqs ħaddieħor.
Il-Ministru Zammit Dimech qal kien ċert li ser tirbaħ l-aħjar kanzunetta għaliex kellu fiduċja li l-poplu f’okkażjoni bħal din kien kapaċi jitla’ ’l fuq mill-emozzjonijiet personali u jagħżel min hu l-aktar kapaċi li jġib għal pajjiżu l-aħjar riżultat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946