“SER TKUN IMPLIMENTATA WEGĦDA MOGĦTIJA FID-DISKORS TAL-BUDGET LI SER TGĦIN BIEX LIS-SELF-EMPLOYED JINĦAFRULHOM IL-MULTI TAL-VAT”
“Il Gvern ser jimplimenta l-iskema li ħabbar fil-budget ta’ din is-sena, li permezz tagħha ser ikun qiegħed jagħti opportunità biex self-employed u sidien ta’ negozji żgħar ikunu jistgħu jinħafrulhom il-multi li għandhom minħabba nuqqas ta’ ħlas dovut fuq il-VAT.
“Din l-opportunità qiegħda tingħata lil dawk il-persuni kollha li kellhom multi xi jħallsu għaliex s’issa kien għadhom ma ħallsux il-VAT. Il-Gvern qiegħed jagħti l-opportunità lil dawk li jmorru jħallsu il-VAT, flimkien ma’ l-imgħax dovut, sat-30 ta’ Ġunju li t-taxxa addizzjonali tkun tista’ titneħħa kollha. Dan ifisser li kull persuna li għandha tħallas kontijiet pendenti tal-VAT, issa ser tkun mitluba tħallas biss il-VAT u l-imgħax dovut, u ma jkollhiex bżonn tħallas il-multa li hija magħrufa wkoll bħala t-taxxa addizjonali.
“Din l-opportunità hija possibbli għal kull min imur iħallas il-kontijiet pendenti tiegħu tal-VAT sat-30 ta’ Ġunju 2005.“ B’dawn il-kliem is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fetaħ lagħqa ta’ djalogu ma’ numru ta’ self-employed meta kien qiegħed iżur iż-żona industrijali tal-Ħandaq. L-Onor. Vassallo kompla billi qal li “is-sodisfazzjon tiegħi hija li din il-proposta kienet ingħatat lill-Ministeru tal-Finanzi għaliex mil-laqgħat li kellna ma’ bosta self-employed ħarget ċara il-preokkupazzjoni tagħhom li ħafna drabi l-multa tispiċċa għola mill-ħlas tal-VAT dovuta.
“Din l-skema hija inizjattiva oħra tal-Gvern fl-impenn tiegħu biex jissimplifika l-proċeduri tiegħu u hekk ikun qiegħed inaqqas il-burokrazija żejda li teżisti. Nawgura li kif issa qed isir f’rigward tal-ħlas tal-VAT isir ukoll fir-rigward tal-ħlas tat-Taxxa.
Permezz ta’ skemi bħal dawn il-Gvern ikun qiegħed iserraħ moħħu li ser jiġbor dak li huwa dovut lilu, filwaqt li fl-istess ħin jagħti opportunità li l-multi jinħafru.
Skond informazzjoni mogħtija mis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech, l-ammont dovut lill-Gvern mill-multi kien jitla’ sa LM5 miljun lira. Issa dawn il-flus ser jibqgħu f’idejn is-self-employed u s-sidien ta’ negozji, u jiena persważ li dawn il-flus ser jerġgħu jiġu nvestiti lura fl-attività kummerċjali ta’ pajjiżna.”
Qabel ma s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo għadda biex jirrispondi il-mistoqsijiet ta’ dawk preżenti, temm billi awgura “li issa l-accountants u s-self-employed jieħdu din l-opportunità u jużaw l-iskema ta’ maħfra tal-multa biex b’hekk iħallsu dak li huwa dovut lill-Gvern bħala VAT u imgħax. Dawn l-inizjattivi huma ta’ għajnuna għal min qiegħed fin-negozju, u fuq kollox huma inizjattivi li juru li l-Gvern huwa mpenjat biex jagħmel li jista’ biex jgħin lis-self-employed ikomplu jkabbru n-negozju tagħhom u joħolqu aktar impjiegi ġodda.”
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946