TLESTA R-RAPPORT IMĦEJJI MILL-KUMMISSJONI DWAR L-EKO KONTRIBUZZJONI
Il-Kummissjoni dwar l-Eko Kontribuzzjoni, li kienet twaqqfet bis-sehem tal-korpi kostitwiti u s-settur privat, lestiet ir-rapport tagħha u dan mistenni jkun ippreżentat lill-Prim Ministru l-ġimgħa d-dieħla.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt żjara li hu għamel lill-ħanut Cartridge World f’San Ġwann li ħa inizjattiva li jerġa’ jimla l-cartridges u t-toners li jintużaw fil-printers. Cartridge World hija waħda mill-kumpanniji li qed jieħdu inizjattivi ta’ dan it-tip.
F’diskors li għamel waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Pullicino qal li inizjattivi bħal dawn jikkonfermaw kemm l-eko kontribuzzjoni qed tilħaq l-għan li għalih kienet introdotta, dak li twassal għal tibdil fix-xejriet tal-konsum tal-poplu Malti. Dan qed iseħħ b’diversi modi, inkluż l-użu ta’ kontenituri alternattivi għall-plastik kemm għax-xiri kif ukoll għar-rimi ta’ l-iskart. Il-Ministru Pullicino qal li bi ftit sforz minn kulħadd nistgħu nwasslu għal titjib kbir fl-ambjent tagħna.
Il-Ministru Pullicino qal li l-Gvern qed ikompli jmexxi bl-eżempju u f’dan il-kuntest semma l-introduzzjoni tal-Green Leaders fil-Ministeri kollha. Hu qal li l-miri li l-Green Leaders għandhom għall-ewwel sena ta’ ħidma tagħhom huma l-ġbir u r-riċiklar tal-karta kollha li tintuża fil-Ministeri, il-ġbir u r-riċiklar tal-cartridges u t-toners u l-energy audit ta’ mill-anqas bini wieħed li jifforma parti mill-Ministeru.
Jenni McCormick mill-Cartridge World qalet li l-introduzzjoni ta’ l-eko kontribuzzjoni kienet inċentiv akbar biex il-poplu jibdel l-atteġġjament tiegħu. Hi qalet li fi ftit xhur il-kumpanija tagħha ġabret ma’ l-1,200 cartridge.
Vince Magri mill-WasteServ Malta Ltd qal li l-użu mill-ġdid ta’ cartridges qed iwassal biex jonqos il-volum ta’ skart li jkun iġġenerat. B’konsegwenza t’hekk, il-faċilita’ temporanja f’Ta’ Żwejra li kienet maħsuba li sservi għal madwar tmien xhur issa mistennija sservi għal madwar sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946