Left arrow Mur Lura

SERVIZZI GĦAL PERSUNI BID-DYSLEXIA

PR0227
Date Icon 16/02/2005

Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni flimkien ma’ l-iSpecific Learning Difficulties (SpLD) Unit qed jorganizzaw seminar bil-parteċipazzjoni tas-Sur Alan Sayles*, President ta’ Assoċjazzjoni Ewropea tad-Dyslexia.  L-iskop ta’ dan is-seminar hu primarjament biex ikompli jitkattar l-għarfien fost l-edukaturi dwar il-kundizzjoni u kif jistgħu jgħinu lill-istudenti jgħelbu d-diffikultajiet li jiffaċċjaw waqt l-edukazzjoni tagħhom, bl-iskop aħħari jkun li permezz ta’ dan l-għarfien l-edukaturi jkunu jistgħu jagħtu lil dawn l-istudenti aċċess sħiħ għall-kurrikulu li għandhom dritt għalieh.  Is-seminar se jkollu wkoll l-involviment ta’ ġenituri li għandhom it-tfal dislessiċi u li se jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ l-edukaturi. Is-seminar se jkompli għada f’Għawdex.  

Waqt il-ftuħ tas-seminar, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea tkellem dwar l-importanza li l-edukaturi jagħrfu l-kumplessità ta’ problema li jiffaċċjaw kemm l-istudenti kif ukoll dawk kollha li għandhom sehem fil-proċess edukattiv.  Il-persuni li għandhom id-Dyslexia jkollhom impediment fil-moħħ li jagħmilha diffiċli għal dak li jkun li jagħraf u jifhem il-kliem miktuba.  Dan iwassal biex wieħed isibha diffiċli jaqra u jifhem u ħafna drabi jekk il-kundizzjoni ma tkunx identifikata mill-bidu l-edukazzjoni tiegħu tiġi effettwata negattivament.  

Louis Galea qal li r-riċerka turi li dawk li għandhom id-dyslexia jipproċessaw l-informazzjoni f’parti differenti mill-moħħ minn persuni li m’għandhomx din il-kundizzjoni.  L-evidenza turi wkoll li l-intelliġenza ta’ dawn il-persuni hi normali jekk mhux xi ftit ogħla mill-medja.  Ir-riċerka qed turi wkoll li jekk dawk li jkollhom id-dyslexia jingħataw l-appoġġ li għandhom bżonn fl-ewwel snin ta’ l-iskola jiffaċċjaw anqas diffikultajiet fil-bqija ta’ ħajjithom. Il-Ministru tenna li għalkemm qatt mhu tard wisq biex wieħed jingħata t-taħriġ u t-tagħlim li jkollu bżonn aktar ma l-problema tkun identifikata mill-bidu u aktar ma l-appoġġ jingħata malajr aktar nevitaw li l-problema issir aktar akuta.   

Louis Galea sostna li kulħadd irid jifhem li d-dyslexia mhix marda u allura mhix xi ħaġa li wieħed jista’ jdewwi.  Madankollu bl-appoġġ u t-taħriġ meħtieġ kemm mill-edukaturi kif ukoll mill-familji u l-ħbieb, dawk li għandhom id-dyslexia jkunu jistgħu jiksbu suċċess fl-edukazzjoni tagħhom u jimxu ’l quddiem anke fid-dinja tax-xogħol.

L-SpLD Unit f’dawn l-aħħar snin tat l-appoġġ tagħha lil aktar minn 1,100 student bid-dyslexia.  It-taqsima wettqet ukoll ħidma ma’ l-għalliema u l-ġenituri permezz ta’ diversi korsijiet li torganizza u li se tkompli torganizza fix-xhur li ġejjin.  Bejn Frar u Mejju li ġej se jkun hemm kors ieħor għall-ġenituri ta’ dawk it-tfal li ġew assessjati dan l-aħħar.  Dan il-kors introduttorju se jgħin lill-ġenituri jifhmu x’inhuma d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-istudenti u kif dawn jistgħu jiġu mgħeluba.  Il-kors jagħtihom ukoll taħriġ dwar kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom jaqraw u jispellu b’mod strutturat billi jgħallmu b’mod multi-sensorjali.  

Louis Galea qal li filwaqt li għandna strutturi basiċi li jiffunzjonaw tajjeb, ħemm ħafna aktar x’isir f’dan il-qasam biex naslu għal sitwazzjoni fejn l-istudenti kollha ikollhom aċċess sħiħ għall-kurrikulu li jixirqilhom.  Il-Ministru qal li bħalissa qed issir revizjoni ta’ settur ta’ l-edukazzjoni inklussiva u speċjali biex filwaqt li naraw x’qed isir tajjeb u kif jista’ jkompli jitjieb, nevalwaw il-prattiċi eżistenti u naraw jekk il-valur li qed nieħdu hux il-massimu li nistgħu niksbu.  Louis Galea qal li għalkemm illum ngħidu li fil-qasam ta’ l-edukazzjoni inklussiva għamilna passi kbar ’il quddiem għad fadal triq twila x’nagħmlu biex nilħu l-miri li għandna.  Hu tenna li irridu niġġieldu l-kultura tad-dipendenza fil-klassi u nagħtu lill-istudenti l-għodda li għandhom bżonn biex ikomplu jitgħallmu tul ħajjithom. Hu sostna li element importanti fit-tisħiħ ta’ l-istrutturi hu li jkun hemm networking u kollaborazzjoni ma dawk kollha involuti f’dan il-qasam, kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali, biex naqsmu l-ideat, il-prattiċi t-tajba u l-opinjonijiet differenti.  L-EDA hi assoċjazzjoni li għandha tippreżentalna forum ta’ 42 organizzazzjoni minn 27 pajjiż Ewropew ma’ min nistgħu naħdmu u nikkoperaw.  

“Hi l-viżjoni tiegħi li nara aktar ko-operazzjoni bejn l-iskejjel kollha biex filwaqt li kull skola żżomm il-kwalitajiet li jagħmluha differenti mill-oħrajn, jibnu relazzjoni b’saħħitha ma’ skejjel oħrajn beix bejniethom jaqsmu l-esperjenzi u r-riżorsi li għandhom.  Dan l-istess kunċett irid jidħol fil-provvediment tas-servizzi li noffru lill-istudenti bħal ma tagħmel l-SpLD Unit.”  temm jgħid Louis Galea. 

DOI  16.02.2005  

*Alan Sayles B.A., M.Ed. (Special Education) is a founding delegate and currently the President of the European Dyslexia Association as well as a consultant to the European Dyslexia Academy for Research and Training. In 2000-01 he served as a member of the Department of Education and Science’s Taskforce on Dyslexia. In 2002-04 he was a member of the dyslexia working committee set up by the Special Education Co-ordination Group of the North-South Ministerial Council and served as Project coordinator to produce the 33 minute video/DVD for parents, ‘Understanding Dyslexia: Challenges and Opportunities’, and is main author of the CD-Rom, ‘Dyslexia: A Teacher’s Guide’. He has also acted as a member of the design team for the Special Education Support Service (2004-05) and as a consultant to the National Adult Literacy Agency’s SLD Policy Working Group (2004).  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow