L-AĠENT PRIM MINISTRU JILTAQA’ MAL-LORD MAYOR TA’ LONDRA
L-Aġent Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Tonio Borg kellu laqgħa ma’ Alderman Michael Savory, Lord Mayor ta’ Londra.
Wara li ta merħba lil Michael Savory, l-Aġent Prim Ministru tkellem dwar l-istorja tar-rabtiet mill-qrib bejn iż-żewg pajjiżi li tmur lura għal mijiet ta’ snin. Illum, l-Ingilterra u Malta reġgħu qegħdin qrib ta’ xulxin peress li t-tnejn jiffurmaw parti mill-ikbar għaqda politika fid-dinja, l-Unjoni Ewropea, li mistenni tkun ukoll forza ekonomika fil-futur.
L-Aġent Prim Ministru saħaq dwar il-fatt li Malta dejjem sabet l-appoġġ ta’ l-Ingilterra fejn tidħol l-Unjoni Ewropea u dan l-aħħar kisbet is-sapport ta’ l-Ingilterra biex tkompli tgawdi mill-istatus ta’ Objective One biex tkun tista tibbenefika mill-fondi kollha possibbli fil-budget ta’ l-Unjoni Ewropea għas-snin 2007 - 2013.
L-Aġent Prim Ministru u l-Lord Mayor ta’ Londra tkellmu dwar il-possibilita ta’ iktar koperazzjoni bejn Malta u l-Ingilterra fis-settur tas-servizzi finanzjarji kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm fir-reġjun tal-Mediterran.
Preżenti għall-laqgħa kien hemm is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Tonio Fenech, il-Kummissarju Għoli Ingliż għal Malta l-ET Vincent Fean u membri ta’ delegazzjoni kummerċjali li qed takkummpanja lil Alderman Michael Savory.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946