SERVIZZ GĦAL GĦAWDEX BIL-VAPUR MINN SA MAISON
Kuntrarju għal dak li kien rappurtat f’ sezzjoni tax-xandir lokali, il-Gozo Channel ser tibqa’ tħaddem ir-rotta Mġarr-Sa Maison-Mġarr u l-Gvern ser jissussidja direttament dan is-servizz. Din id-deċiżjoni ttieħdet propju l-ġimgħa li għaddiet fl-interess ta’ l-ekonomija Għawdxija li tuża dan is-servizz għat-trasport tal-merkanzija u wara li s-sejħa għal-liberalizzazzjoni tar-rotta ma kellha ebda rispons mis-settur privat. Il-Gvern hu impenjat li l-Gozo Channel topera b’mod effiċjenti u sostenibbli mingħajr ma jnaqqas mill-prijorità li jaqdi l-bżonnijiet ekonomiċi u soċjali t’Għawdex.
Is-servizz tal-Gozo Channel se jiġi nkluż fil-Public Service Obligation Contract, li jfisser li l-Gvern se jħallas id-differenza fl-ispiża tas-servizz f’kuntest kummerċjali li m’hix se titħallas mil-klijenti tas-servizz.
Bħalissa s-servizz qed jaħdem b’mod imnaqqas billi l-MV Ta’ Pinu ddaħħal għall-manutenzjoni fit-Tarzna. Minn nofs Marzu se jerġa’ jkun hemm is-servizz li jitlaq mill-Imġarr lejn Sa Maison fil-11:00 u jirritorna minn Sa Maison lejn l-Imġarr fis-13:00, erba’ darbiet fil-ġimgħa. Dan is-servizz se jitkompla fis-sajf ukoll.
Sadattant, il-Gozo Channel bdiet tħaddem is-sistema ġdida li tipprovdi t-trasport b’xejn għal dawk li għandhom bżonn ċertu trattament mediku f’ Malta. Il-Gozo Channel se tagħmel dan fuq bażi ta’ refunds li jinħarġu fuq preżentazzjoni ta’ dokumenti neċessarji. Għal dan il-għan, ġie stabbilit fond li se jkun amministrat miċ-Chairman tal-kumpanija u l-applikazzjonijiet relattivi għandhom jiġu ndirizzati liċ-Chairman stess. Din is-sistema tapplika wkoll għal każijiet oħra li ċ-Chairman jidhirlu li huma soċjalment meritevoli.
Il-Gvern iddeċieda wkoll li l-Gozo Channel tneħħi għal kollox is-sistema ta’ free passes u dawk li qed jintużaw bħalissa m’hux se jibqgħu validi wara l-15 ta’ Marzu 2005. Diaprtimenti jew entitajiet tal-Gvern li jidhrilhom li ħaddiema tagħhom għandhom bżonn imorru Għawdex, għandhom jew jaħdmu fuq bażi ta’ rifużjoni jew – jekk ikun ġustifikat – iħallsu għal Frequent Traveller Ticket.
Il-Gvern iddeċieda li ser iħallas lill-Gozo Channel biex jinħareġ Frequent Traveller Ticket lil min kien jew għadu jokkupa l-karigi ta’ President ta’ Malta, Prim Ministru, Arċisqof jew Isqof kif ukoll għall-iSpeaker tal-Parlament, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, il-Membri tal-Parlament u s-Sindki tal-lokalitajiet Għawdxin.
Dawn il-miżuri jfissru li l-Gvern qed iżid l-infieq dirett tiegħu f’Għawdex b’madwar Lm115,000 fis-sena. Il-Gvern qed jieħu dawn il-miżuri biex ikompli jassigura li Għawdex ma jbatix minn ostakli minħabba l-fatt li hu gżira. Minn naħa l-oħra l-Gvern irid jara li l-kumpanija Gozo Channel Ltd ma tħallasx prezz kummerċjali għal deċiżjonijiet politiċi u soċjali meħtieġa mill-politika tal-Gvern dwar Għawdex. Hu għalhekk li l-Public Service Obligation Contract jiddefeni l-obbligi soċjali tal-Gozo Channel iżda jillimita l-infieq fihom għal kemm iħallas tagħhom il-Gvern mill-fondi pubbliċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946