IS-SETTUR TURISTIKU: BEJN ĊIFRI U REALTÀ
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech jixtieq jirreferi għal diskors li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Alfred Sant għamel fil-Floriana nhar il-Ħadd li għadda fejn għoġbu jagħti l-impressjoni li s-settur turistiku mar ħafna ’l quddiem fit-22 xahar li għamel fil-Gvern hu u ħafna lura fl-aħħar snin.
Qabel xejn hu diffiċli tkejjel 22 xahar fil-Gvern għal skop ta’ statistika aktar u aktar meta dawn bdew f’Ottubru 1996 u ntemmew f’Settembru 1998 – jiġifieri 22 xahar mifruxa fuq tliet snin. Fuq liema sena bażi se tieħu dawn it-22 xahar: fuq l-aħħar tal-1996 jew fuq l-1997? U mbagħad tista’ dak li seħħ fl-1996 tagħtih lill-Gvern immexxi mill-Partit Laburista li daħal fil-Gvern f’Settembru? Il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni jagħti t-tort għal dak li seħħ fil-finanzi tal-pajjiż bejn l-1996 u l-1998 lill-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista. Allura jekk il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien responsabbli għal dak li l-Gvern immexxi mill-Partit Laburista kien qed jisħaq li sar ħażin bejn l-1996 u l-1998 bl-istess raġunament ma kienx responsabbli għal dak li sar tajjeb fil-qasam turistiku fl-istess perijodu?
Il-Mexxej tal-Partit Laburista kien ikun kredibbli kieku beda miż-żmien li l-Partit tiegħu kien fil-poter għal tul ta’ snin. Hekk jekk nieħdu l-perijodu bejn l-1981 u l-1986 – perijodu li l-Partit Laburista kien fil-Gvern wara perijodu itwal ta’ 10 snin – insibu li filwaqt li fl-1981 żaru Malta 705,506 turist dawn niżlu għal 510,956 fl-1982 u baqgħu f’dak l-ilma għal sena wara l-oħra sakemm stejqru xi ftit fl-1986 għal 574,943. Kien biss wara l-bidla fil-Gvern fl-1987 li t-turiżmu reġa’ beda tiela’ sakemm qabeż il-miljun. Fl-1996 in-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna kien ta’ 1,053,788. U baqa’ jiżdied biex leħaq 1,215,713 fl-2000. Jekk it-turiżmu fl-2001 naqas dan kien ir-riżultat ta’ l-attakk terroristiku tal-11 ta’ Settembru 2001. Wara dik id-data sofra t-turiżmu mad-dinja kollha. U dan kompla sofra għas-sentejn ta’ wara. Miegħu sofrew linji ta’ l-ajru li fallew. Dan żgur ma jistax jingħad għat-telf li ġarrab is-settur turistiku bejn l-1981 u l-1986. Dak li ġara dakinhar kien ir-riżultat ta’ deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern immexxi mill-Partit Laburista li wasslu għal nuqqas ta’ ilma fil-vit, sistema ta’ l-elettriku li ma stajtx tafda, sistema tat-telefon antikwata u sistema tad-drenaġġ tant malandata li kien hemm sbokki tad-drenaġġ max-xtut kollha ta’ Malta.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni filwaqt li semma li kien hemm nuqqas fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna fl-2002 u fl-2003 ma qal xejn dwar li n-numru ta’ turisti fl-2004 żdiedu bi 3.5 fil-mija u hekk għamlu tajjeb għat-telf kollu li kien hemm fis-sentejn ta’ qabel!
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni anqas m’għandu raġun meta jagħti l-impressjoni li l-għeluq ta’ lukandi li kellna fl-aħħar ħames snin jfissru kriżi. Is-settur turistiku f’dawn l-aħħar snin qed jirristruttura. Ingħalqu lukandi, ħafna minnhom lukandi żgħar ta’ Żewġ Stilel u Tliet Stilel, u fetħu lukandi ta’ Erba’ u Ħames Stilel u tkabbru lukandi ta’ dawn iż-żewġ kategoriji. Bejn l-1999 u din is-sena tlifna 5,782 sodda f’lukandi li għalqu iżda ser inkunu żidna 4,965 sodda f’lukandi li fetħu jew se jiftħu fix-xhur li ġejjin. Hekk it-telf hu ta’ 817 il-sodda u mhux ta’ eluf ta’ sodod kif allegat. F’dan il-proċess żdiedu iżda l-lukandi ta’ Ħames Stilel minn 8 għal 13 u l-lukandi ta’ Erba’ Stilel minn 46 għal 52. Li ġara fl-aħħar sitt snin hu li għandna lukandi aktar kompetittivi, ta’ kwalita’ aħjar u fl-istess waqt li jħaddmu aktar nies. Fl-2000 f’dan is-settur kien hemm jaħdmu 9,033 full-time, f’Awissu 2004 in-numru tela’ għal 9,323. Iżda n-numru ta’ ħaddiema part-time li jaħdmu f’dan is-settur u li dan hu l-uniku impjieg tagħhom tela’ minn 2,941 fl-1998 għal 5,214 f’Settembru tas-sena l-oħra. Aktar mid-doppju.
Is-settur turistiku mad-dinja kollha, inkluż Malta, għadda minn żminijiet diffiċli. Issa beda jirpilja. Iżda sadattant l-istakeholders ma tilfux il-fiduċja f’dan is-settur. Il-Gvern baqa’ jinvesti. Is-settur privat ukoll. Is-settur privat qed jinvesti Lm51 miljun f’lukandi ġodda jew estensjonijiet u Lm170 miljun fi tliet proġetti turistiċi kbar: il-proġett tal-Kottonera, il-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne u l-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal. Ħadd ma jinvesti f’settur li ma jirrendix u li ma jkollux prospetti sbieħ mifruxa quddiemu!
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946