Left arrow Go Back

IX-XOGĦOL: BŻONN FONDAMENTALI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

PR0212
Date Icon 14/02/2005

“Iż-żgħażagħ huma sew il-preżent kif ukoll il-futur tas-soċjeta` u għaldaqstant il-Gvern jinsisti li f’kull aspett tal-politika tiegħu isir minn kollox biex l-interessi u l-bżonnijiet taż-żgħażagħ jiġu konsidrati b’mod sħiħ. Wieħed mill-bżonnijiet fondamentali għaż-żgħażagħ huwa x-xogħol.  Huwa għalhekk li l-Gvern jiġbor l-isforzi kollha tiegħu biex isaħħaħ u jkabbar l-ekonomija, l-edukazzjoni u l-ambjent, it-tliet kolonni ta’ żvilupp ta’ pajjiżna fid-dinja llum.”  Dan sostnih il-Ministru responsabbli miż-żgħażagħ, Louis Galea, meta ndirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNZ) li saret f’Paceville nhar il-Ġimgħa.  

Il-Ministru Galea fisser is-sodisfazzjon tal-Gvern għal mod pożittiv li bih wettaq il-ħidma l-KNZ.  Huwa qal li jammira l-ħila taż-żgħażagħ fi ħdan il-Kunsill li fi ħdan diversita` ta’ idejat politiċi u identitajiet tal-għaqdiet taż-żgħażagħ irnexxielhom jiddjalogaw bl-interess nazzjonali taż-żgħażagħ quddiem għajnejhom.  “Il-freskezza ta’ dan l-atteġġjament għandu jkun ta’ ispirazzjoni sew għall-Parlament kif ukoll għall-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.”  Il-Ministru Galea rringrazzja lill-uffiċjali u l-membri kollha tal-Kunsill għall-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li wrew fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom u anke mat-taqsima żgħażagħ tal-Ministeru.  

Il-Ministru Galea qal li l-Gvern qed jaħdem biex titjieb ir-rata tat-tkabbir ekonomiku kif ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi.  Huwa fakkar li l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Impjiegi jaħseb għal żieda fis-servizzi favur iż-żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol.  Qrib in-nofs ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol huma żgħażagħ, b’aktar irġiel milli nisa jirreġistraw għax-xogħol.  Il-Ministru qal li minn 2318 li qed jirreġistraw għax-xogħol 1600 (69%) ilhom jirreġistraw għal anqas minn sitt xhur. L-ETC qed taħdem maż-żgħażagħ li qed jirregistraw b’servizz intensiv ta’ pariri u taħriġ kif ukoll billi toffri esperjenzi ta’ xogħol għal perjodu sa sitt xhur. Hemm ukoll il-Job Experience Scheme li tpoġġi ż-żgħażagħ li qed jirregistraw u li għadhom qatt ma ħadmu fuq xogħol part-time ta’ 13 il-ġimgħa bħala parti minn proċess ta’ taħriġ.

Il-Ministru Galea fisser li sew fil-preżent kif ukoll fil-futur l-aqwa servizz li l-Gvern jista` jagħti liż-żgħażagħ huwa billi jassigura edukazzjoni ta’ kwalita` u tagħlim tul il-ħajja.  “Minbarra miljuni kbar ta’ liri kull sena f’investiment fl-edukazzjoni, għaddejjin minn proċess ta’ tiġdid u titjib tal-livelli kollha fis-sistema edukattiv.  Tiġdid importanti bħalissa qed jiġi diskuss fil-qasam ta’ l-edukazzjoni għola u vokazzjonali.  Il-mira tal-Gvern hi li nirdoppjaw in-numru ta’ żgħażagħ ta’ tnejn u għoxrin sena li jkunu komplew l-istudji tagħhom vokazzjonali u terzjarji.  Dan ifisser investiment dejjem akbar fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għola.”  

Il-Ministru Galea fisser li fuq l-agenda tal-KNŻ wieħed għandu jgħolli l-priorita` tal-ħidma kontra r-razziżmu u l-intolleranza, it-tema tal-kompettitivita` tal-ekonomija Maltija, l-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post  tax-xogħol, u ħidma biex iż-żgħażagħ jagħrfu is-sabiħ tal-ħajja u l-valuri ċiviċi u morali.  

Il-Ministru Galea temm jgħid li l-Ministeru ser ikompli jissieħeb fil-ħidma tal-KNŻ u jara li s-sehem tal-Kunsill ikompli jikseb rikonoxximent nazzjonali.  Il-Ministru ħabbar li l-akbar attivita` li l-KNŻ u l-Ministeru ser ikollhom din is-sena huwa il-Forum taż-Żgħażagħ tal-Commonwealth li ser jiġbor numru kbir ta’ żgħażagħ f’Novembru li ġej biex jiddiskutu l-ħwejjeġ li jolqtu mill-qrib il-paċi, is-sigurta`, l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow